Lokali

Jidher li hemm iktar transfers x’jingħataw

Jidher li t-transfers li ħarġu l-ġimgha li għaddiet fil-Korp tal-Pulizija m’humiex l-aħħar iżda hemm iktar transfers li, skont informazzjoni li għandu dan is-sit, mistennija joħorġu iktar tard matul din il-ġimgħa.

Nhar l-Erbgħa li għadda, 32 Membru tal-Korp tal-Pulizija, minn Spetturi sa Surġenti u Kuntistabbli, qalgħu transfer biex issa, in-numru ta’ transfers li nħarġu fis-sena u nofs li l-Korp tal-Pulizija ilu taħt ir-responsabbilta’ politika tal-Ministru Manwel Mallia, qabeż is-700. Jigifieri iktar minn terz tal-complement tal-Korp tal-Pulizija.

Sorsi li tkellmu ma’ dan is-sit qed jinsistu li l-aħħar transfers inħarġu direttament mill-Ministeru, tant li skont il-letter minute li fiha tħabbru t-transfers, m’hemmx il-firma tal-Aġent Kummissarju Ray Zammit iżda tal-Assistent Kummissarju Mario Spiteri.

Fil-fatt, l-Aġent Kummissarju Ray Zammit kien imsiefer meta ħarġu dawn it-transfers. Il-letter minute tgħid ukoll li l-Membri tal-Korp imsemmija fit-transfers ta’ nhar l-Erbgħa kienu msejħa biex jirrapportaw għal laqgħa fl-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Pulizija fid-Depot it-Tnejn li ġej liebsin l-uniformi.

Xi ħaġa li sa issa kienet mingħajr precedent.

Sadanittant, fost it-transfers li saru l-ġimgha li għaddiet kien hemm ukoll it-transfer tal-Ispettur Marthese Micallef mill-Uffiċċju tal-UE. Dan is-sit hu nfurmat li postha se jittieħed minn Rosanne Debattista li hi ħabiba ma’ Michelle Muscat.