Lokali

Jinħtieġ sistema li taqsam l-influss ta’ immigrazzjoni fl-Ewropa

Jinħtieġ sistema li taqsam l-influss ta’ immigrazzjoni fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija jqis li l-unika mod ġust kif jiġi indirizzat l-influss tal-immigrazzjoni huwa permezz ta’ sistema Ewropea fejn l-immigranti li jaslu, jitqassmu fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea. Dan għandu jsir b’mod li titħares id-dinjita’ kemm tal-immigranti, kemm tal-pajjiżi fuq il-fruntiera, bħal Malta, kif ukoll tal-Unjoni Ewropea stess.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal dan f’laqgħa li kellu mal-Kummissarju Għoli tal-UNHCR Antonio Manuel de Oliveira Guterres.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista għamilha ċara li Malta dejjem tistenna aktar koperazzjoni fl-isfida tal-immigrazzjoni u sostna li ma hemm l-ebda bakketta maġika li biha xi ħadd jista jwaqqaf l-immigranti milli jaslu fl-Ewropa.

Dr. Simon Busuttil qal li kull pajjiż fl-Unjoni Ewropea għandu l-interess li jħares il-fruntieri tiegħu, iżda kull pajjiż għandu wkoll jaqsam ir-responsabbiltajiet.