Ekonomija Lokali

L-akbar tnaqqis fl-importazzjoni u fl-esportazzjoni fl-Unjoni Ewropea

Wara li għal dawn l-aħħar xhur il-Partit Nazzjonalista ġibed l-attenzjoni kemm-il darba għal tnaqqis, kontinwu, fl-esportazzjoni u importazzjoni ta’ pajjiżna, rapport ippubblikat llum mill-Eurostat, li jagħti ħarsa lejn ir-rendiment fl-aħħar sitt xhur, joħroġ ritratt iktar preokuppanti tal-prestazzjoni ta’ pajjiżna. 

Il-Partit Nazzjonalista qal li filfatt il-Eurostat juri kif pajjiżna kellu l-akbar tnaqqis fl-esportazzjoni fl-Unjoni Ewropea, b’26%, fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena meta mqabbel mal-ewwel sitt xhur tas-sena li għaddiet. Malta rreġistrat ukoll l-akbar tnaqqis fl-importazzjoni, ta’ 10%.

Dan it-tnaqqis jorbot ma’ statistika riċenti ppubblikata mill-NSO dwar it-tkabbir ekonomiku, li turi kif minkejja li l-ekonomija Maltija kompliet tikber, ġarrbet tnaqqis ta’ aktar minn 11% fis-settur tal-manifattura, li huwa settur li jħaddem mat-30,000 persuna f’Malta u Għawdex, u għalhekk sors vitali ta’ dħul għal familji Maltin u Għawdxin.

Il-Partit Nazzjonalista qal ukoll li l-esportazzjoni hi mezz importanti kif intrapriżi żgħar u medji f’pajjiżna jegħlbu l-isfidi li joffri s-suq żgħir ta’ pajjiżna u jgawdu mis-swieq u l-opportunitajiet kbar li nsibu barra minn pajjiżna, b’mod partikolari fl-Unjoni Ewropea. Sfortunatament, il-Gvern Laburista, li sab biżżejjed flus biex jonfoq €60 miljun f’pagi u spejjeż operattivi aktar mis-sena li għaddiet, ma sabx flus biex ikompli l-iskemi favur l-SMEs li kienu fost l-oħrajn jinċentivaw l-esportazzjoni u li kienu qed iħallu tant frott.

Dan kollu qed iħalli effett fuq il-familji, kif juru r-riżultati negattivi fl-importazzjoni, li huma xhieda ta’ tnaqqis fil-konsum. Tnaqqis li, fi kliem il-Partit Nazzjonalista, kien rifless b’mod qawwi fit-tnaqqis reġistrat fl-aħħar xhur fil-bejgħ mill-ħwienet.

Il-Partit Nazzjonalista fl-istqarrija qal li jittama li din l-istatistika sservi ta’ twissija biex fit-tħejjija tal-Budget għall-2015 il-Gvern, wara kważi sentejn stennija, joħroġ bil-viżjoni ekonomika tiegħu u bi strateġija għas-setturi industrijali li tmur lil hinn minn tkabbir xprunat fil-maġġoranza tiegħu mis-settur pubbliku, għall-ġid tal-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.