Lokali

Mixli li pparteċipa f’attivitajiet sesswali mat-tfajla tiegħu, li hi taħt l-età

Stefan Vassallo, ta’ 23 sena mis-Swieqi, ġie mixli fil-Qorti tal-Maġistrati li pparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ minuri ta’ 15-il sena, li hi t-tfajla tiegħu. Vassallo wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrieh mill-Ispettur Joseph Busuttil, jiġifieri li fit-8 ta’ Settembru li għadda u l-ġimgħat u xhur ta’ qabel ipparteċipa f’atti sesswali ma’ minorenni ta’ 15-il sena.

L-Avukat Franco Debono ddeskrieva lit-tfajla bħala l-għarusa tal-akkużat u qal li l-ġenituri tagħha kienu konxji mir-relazzjoni ta’ bejniethom. Qal ukoll li jekk wieħed jagħmel analiżi tat-telefonati lil xulxin, isib li t-tfajla kienet iċċempillu aktar milli kien iċempel hu. Qal ukoll li l-età konsenswali fejn jidħol sess hu ta’ 18-il sena f’Malta, filwaqt li f’pajjiżi fil-bqija tal-Ewropa l-età hi anqas.

L-Ispettur Busuttil qal li l-akkużat kien imwissi kemm-il darba li kien se jkollu l-problemi minħabba l-età tat-tfajla. Il-Maġistrat Giovanni Grixti laqa’ t-talba tad-Difiża għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat fuq depożitu personali ta’ €1,000 u garanzija personali ta €1,500, bil-kundizzjoni li bl-ebda mod ma jkollu kuntatt mat-tfajla.

Vassallo ġie mixli wkoll li sar reċidiv wara li nstab ħati li kelllu x’jaqsam ma’ propjetà misruqa u traffikar ta’ kannabis. Hu kien ikkundannat sena ħabs mill-Qorti tal-Maġistrati, iżda appella mis-sentenza.