Wara 14-il sena bħala Kap Eżekuttiv tal-Inspire, li qabel kienet Ir-Razzett tal-Ħbiberija u l-Eden Foundation, Nathan Farrugia ddeċieda li jirriżenja mir-rwol biex jagħmel xi ħaġa ġdida. Matul dawn is-snin, l-Inspire kibret minn grupp żgħir ta’ impjegati u voluntiera għal kważi 200 impjegat u diversi voluntiera ddedikati.
L-aktar mument sinifikanti għall-organizzazzjoni kien l-għaqda bejn l-Eden Foundation u r-Razzett tal-Ħbiberija fl-2009. Inspire issa hi l-organizzazzjoni ewlenija li tipprovdi servizzi ta’ saħħa, edukazzjoni u divertiment mingħajr qliegħ lil aktar minn 1,000 familja li għandhom persuni b’diżabbiltà. L-organizzazzjoni tagħmel sforz annwali għal ġbir ta’ fondi ta’ €3 miljun biex tkompli toffri s-servizzi tagħha mingħajr ħlas jew b’sussidju qawwi ħafna lil dawk li jibbenefikaw.
Filwaqt li Nathan Farrugia mhux se jibqa’ involut fl-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-organizzazzjoni, aċċetta r-rwol ġdid bħala President, fejn se jieħu post Lino Spiteri. Farrugia nħatar ukoll bħala ċ-Chairman il-ġdid tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat.
Il-membri tal-Bord tal-Fondazjoni spjegaw li filwaqt li jiddispjaċihom li se jitilfu t-tmexxija u l-passjoni ta’ Nathan, irringrazzjawh tas-snin ta’ servizz li offra. Sostnew li huma lesti jaħdmu ma’ Nathan Farrugia fir-rwol ta’ Konsulent dwar Strateġiji u Politika fil-livell tal-Kunsill, filwaqt li jinsabu kuntenti li l-ħidma ta’ Inspire se tkompli mingħajr xkiel permezz tat-tim tal-Management immexxi minn Antonello Gauci, li qabel kien il-Kap Uffiċjali Operattiv ta’ Inspire.
//= $special ?>