Lokali

Airshow Internazzjonali fl-aħħar jiem ta’ Settembru li ġej

L-Air Malta se ttir f’Flypast b’formazzjoni mar-Red Arrows fl-Airshow Internazzjonali ta’ Malta li se jsir bejn is-27 u t-28 ta’ Settembru li ġej.

Dan l-istazzjon tkellem mal-bdott li se jtajjar l-ajruplan tal-Air Malta mar-Red Arrows, Martin Ferrando.

F’konferenza tal-aħbarijiet spjega li r-Red Arrows wrew interess li fis-sena meta l-Air Malta tiċċelebra l-40 sena mit-twaqqif tagħha u fis-sena tal-50 anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza ta’ pajjiżna, jagħmlu dan il-ġest sinifikativ mal-linja tal-ajru Maltija.

Il-Viċi Uffiċjal Kummerċjali tal-Air Malta Joe Galea qal li l-Airshow daħal fil-kalendarju tal-attivitajiet annwali li jsiru f’pajjiżna.

Il-President tas-Soċjetà tal-Avjazzjoni ta’ Malta, Joe Ciliberti spjega li din is-sena se ssir t-22 edizzjoni tal-Airshow f’Malta bil-flypast li se tinvolvi ajruplan tal-Air Malta tkun l-attrazzjoni prinċipali.

Bjorn Azzopardi mill-kumpannija THINK ħabbar li se titnieda app li se toffri informazzjoni dwar l-edizzjoni tal-Airshow ta’ din is-sena. L-app se tinkludi wkoll logħba bir-rebbieħa jiġu premjati permezz ta’ titjira tal-Air Malta.