Raġel Belġjan li qed jiskonta l-ħabs għal għomru b’konnessjoni ma’ qtil u stupru rebaħ id-dritt biex it-tobba jtemmulu ħajtu.
Dan sar possibbli wara verdett storiku li kkonkluda battalja legali li mexxa dan ir-raġel u li dam għaddej għal tliet snin.
Frank Van Den Bleeken, li għandu 50 sena, kien ikkundannat għall-imsemmija delitti fis-snin tmenin u minn dejjem insista li ‘hu qatt ma kellu jkun illiberat’, peress li ma kienx kapaċi li jrażżan l-istinti kriminali tiegħu.
Intant, il-verdett hu l-ewwel wieħed ta’ dan it-tip li jinvolvi priġunier, mindu l-Belġju illegalizza l-ewtanasja, fl-2002.
L-aħħar rapporti qalu, fil-fatt, li Van Den Bleeken kellu jkun ittrasferit ‘dalwaqt’ għal sptar fejn suppost issir il-proċedura (medika) li ittemm il-ħajja tiegħu.
Dan ir-raġel kien anki talab biex ikun suġġett għall-ewtanasja fl-2011, u fejn ressaq ilment dwar ‘dulur psikoloġiku li ma setax jissapporti aktar’. Madankollu, l-Kummissjoni Federali (Belġjana) għall-Ewtanasja riedet tikkunsidra kwalunkwe miżura ta’ trattament għal Van Den Bleeken qabel kellha taqbel rigward ir-rikors għall-mewt legali.
Il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet Umani kkritikat il-Belġju diversi drabi talli l-pajjiż naqas milli jitratta ‘kif xieraq’ il-priġunieri f’artu li qed ibatu bil-problemi mentali.