Ambjent Lokali

Ċentri tad-diving, kayaking u rock climbing jitolbu aċċess għall-Bajja ta’ Mġarr ix-Xini

Diversi ċentri tad-diving f’Għawdex bagħtu ittra, maħruġa mill-Qorti tal-Maġistrati ta’ Għawdex, lill-Kummissarju tal-Films, lill-Ministru Manwel Mallia, lill-Ministru Anton Refalo u lid-Direttur tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) biex jitolbu l-aċċess għall-Bajja ta’ Mġarr ix-Xini esklussivament għad-diving meta r-riħ ikun mill-Punent jew mill-Majjistral.

Fl-ittra, li ntbagħtet ukoll minn ċentri li joffru s-servizzi ta’ kayaking u rock climbing, saret talba biex dawn ikollhom l-aċċess sa Novembru, jiġifieri sa meta l-iffilmjar u l-produzzjoni tal-film “By The Sea” fil-Bajja ta’ Mġarr ix-Xini jkun mistenni li spiċċa. It-talba qed issir minħabba li din iż-żona hi l-unika bajja jew sit f’Għawdex li jista’ jintuża’ għad-diving b’mod sigur meta jkun ir-riħ u fil-perjodu li fih qed jinġibed il-film.

L-ittra tgħid ukoll li l-Kummissarju tal-Films, il-Ministri Mallia u Refalo, kif ukoll id-Direttur tal-MTA qed ikunu mgħarrfa biex, fi żmien erbat’ijiem mid-data tan-notifika tal-ittra, jiġifieri mill-bieraħ, jawtorizzaw l-aċċess kif spjegat. Jekk ma jsirx hekk, ikollhom jittieħdu proċeduri kontrihom skont il-Liġi, tkompli tgħid l-ittra. Fl-ittra hemm spjegat ukoll li jekk dawn iċ-ċentri ma jingħatawx l-aċċess għall-post, kif wara kollox dejjem kellhom, in-negozji tagħhom se jkunu qed isofru telf kbir, anke fil-futur minħabba li d-diving jikkontribwixxi għal madwar 10% tas-settur turistiku Għawdxi.

Iċ-ċentri qalu li huma lesti wkoll jieħdu azzjonijiet ġudizzjarji kontra l-Awtoritajiet, f’każi ta’ inċidenti li jistgħu jwasslu għal korriment jew anke għal mewt ta’ persuni li jinsistu li jeżerċitaw diving f’żoni mhux siguri minħabba li m’hemmx aċċess fil-Bajja ta’ Mġarr ix-Xini.