Futbol Sport

Champagne se jisfida lil Blatter

Il-Franċiż Jerome Champagne ikkonferma li qed jippjana li jisfida lil Sepp Blatter għall-kariga ta’ President tal-FIFA.

 
Blatter il-ġimgħa l-oħra ħabbar li kien se jkun qed ifittex il-ħames terminu tiegħu fit-tmexxija.

 
Champagne, eks diplomatiku ta’ 56 sena, ħadem mal-FIFA għal 11-il sena bħala eżekuttiv qabel telaq fl-2010.

 
“Għadni kemm ktibt lill-kumitat elottorali Ad-hoc tal-FIFA u l-President tiegħu Domenico Scala biex nikkonferma l-ħsieb tiegħi li noħroġ għall-elezzjoni ta’ president,” kiteb Champagne fuq il-websajt tiegħu.

 

Champagna għandu bżonn l-appoġġ ta’ ħames assoċjazzjonijiet membri tal-FIFA imma m’għandux għalfejn jiżvela min huma sakemm issir dikjarazzjoni uffiċjali f’Jannar.

 
L-elezzjoni se ssir waqt il-Kungress tal-FIFA f’Ġunju tas-sena d-dieħla.

 
Champagne żied jgħid, “l-għaxar snin li ġejjin se jkunu kruċjali għall-futbol u partikolari ħafna għall-FIFA li tinsab f’salib it-toroq u trid bidla radikali li trid teħodha ferm aktar bogħod minn dak li nkiseb sallum.”