Editorjal

Editorjal: Ċelebrazzjoni xierqa tas-sovranità tan-nies, id-demokrazija

Dil-ġimgħa, waqt li nkunu qed niċċelebraw il-kisba kbira tas-sovranità għal pajjiżna, inkunu qed niċċelebraw ukoll is-sovranità tan-nies. Għax waħda mill-kisbiet li kultant noħduha bħala fatt kompjut hi d-demokrazija.

Wara l-indipendenza, ħafna nazzjonijiet waqgħu f’dittatorjat
Ħafna nazzjonijiet li għaddew mill-kolonjaliżmu għall-indipendenza bdew bix-xewqa tad-demokrazija imma waqgħu f’nuqqas tagħha u dittatorjati. F’Malta, bil-maqlub, għaddejna sew mill-ewwel test veru tad-demokrazija, l-alternanza tal-poter.

It-test veru tad-demokrazija: l-alternanza tal-poter
Għax l-ewwel eżami tad-demokrazija Maltija ġie fl-elezzjoni tal-1971 meta Malta għaddiet minn Gvern għal ieħor bil-mod li bih jgħaddu demokrazija normali. Dak kien fil-fatt mument mill-aqwa għal Ġorġ Borg Olivier li wera li l-pajjiż li xtaq u bena kien pajjiż fejn mhux xi politikant ikun sovran, imma jkunu sovrani n-nies.

Fl-1981, il-maqlub tas-sovranità tan-nies
Fiċ-ċiklu normali tad-demokrazija, fl-1981 reġa’ kien imiss li ssir l-alternanza tal-poter li n-nies ivvutaw għaliha f’dik l-elezzjoni. Imma kien hemm li rrealizzajna li d-demokrazija mhix xi ħaġa awtomatika.

Ħames snin u ħames xhur
Għax il-Gvern Laburista li tilef b’mod ċar, bil-maġġoranza assoluta tal-voti għand il-Partit fl-Oppożizzjoni, baqa’ mkaħħal mas-siġġu tal-poter mhux ftit ġimgħat jew ftit xhur imma ħames snin u ħames xhur.

Meta politikant jaħseb li tela’ waħdu…
L-ewwel u l-uniku Gvern f’Malta sovrana li kien hemm kontra r-rieda tal-poplu wriena kemm hi importanti s-sovranità tan-nies u li ma jistax ikollok sovranità vera meta xi politikant jibda jaħseb li tela’ waħdu, u mhux li tellgħuh in-nies.

…flok li tellgħuh in-nies
U hemm ħafna fil-Partit Laburista li jippretenduha ta’ politikanti moderni u jiktbu fil-gazzetti, li fis-snin tmenin imlew l-artikli tagħhom bl-iskużi biex jiġġustifikaw l-inġustifikabbli u biex jevitaw l-essenza tad-demokrazija – l-alternanza tal-poter.

Il-Partit Laburista issa bit-tħassir ta’ 68 elezzjoni
U hemm illum fil-Partit Laburista nies li kienu żgħar fis-snin tmenin imma li żgur kienu jkunu fuq quddiem isibu l-iskużi kontra d-demokrazija. Għax illum daż-żgħar li wkoll jippretenduha ħafna ħerġin bl-iskużi biex iħassru l-elezzjonijiet ta’ 68 Kunsill.

Is-sovranità tan-nies mhijiex awtomatika
Il-partit politiku li jaħti għall-uniku żmien f’dal-50 sena li ma kellniex demokrazija sħiħa f’Malta, il-Partit Laburista, proprju f’dan l-anniversarju qed iġib l-istess skużi li ġab meta d-demokrazija f’Malta kienet nieqsa. U għalhekk dil-ġimgħa s-sovranità tan-nies trid tkun ċelebrata, proprju għax mhi awtomatika xejn.