Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qed iqarraq bil-poplu meta jwaħħal fil-klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ numru ta’ ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni u li issa bdew jitqiesu bħala Ħaddiema taċ-Ċivil. Fi stqarrija f’isem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Tonio Fenech, il-Partit Nazzjonalista qal li dak li qal Scicluna huma skużi biex jipprova jiġġustifika ż-żieda qawwija ta’ impjiegi mal-Gvern fl-ewwel xhur ta’ Gvern Laburista.
Il-PN qal li l-Ministru tal-Finanzi naqas milli jgħid li l-istess statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) tiċċara li ż-żieda ta’ aktar minn 2,100 impjieg mas-settur pubbliku bejn Marzu 2013 u April 2014 teskludi r-riklassifikazzjoni li rrefera għaliha Scicluna stess. Barra minhekk, il-PN fakkar li madwar 1,500 ħaddiem fis-sena jirtiraw jew jirriżenjaw minn mal-Gvern. Dan ifisser li f’perjodu ta’ sena, Gvern Laburista daħħal aktar minn 3,600 persuna mal-Gvern.
Il-PN esprima solidarjetà mal-ħaddiema tal-NSO, li qed ikunu s-suġġett ta’ pressjoni politika qawwija u kostanti fir-rigward tal-pubblikazzjoni ta’ statistika, meta din ma tkunx togħġob lill-Gvern Laburista. Il-PN appella biex il-Gvern jirrispetta bi sħiħ l-indipenenza tal-NSO, li għandu rwol importanti li jippreżenta l-istampa ċara tal-ekonomija ta’ pajjiżna.
Minflok jipprova jagħmel sarima ma’ min qed jaqdi dmiru u jiġbed l-attenzjoni dwar ir-realtajiet ta’ pajjiżna, ikun aħjar li l-Gvern ifittex soluzzjonijiet għall-problemi li hemm quddiemu, temmet tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>