Internazzjonali Lokali

F’nofs ta’ baħar ‘il barra minn Malta, traffikanti jgħarrqu dgħajsa b’mijiet ta’ immigranti abbord

Madwar 500 immigrant irregolari hu maħsub li tħallew jegħrqu mit-traffikanti ‘il barra mill-kosta Maltija meta suppost kellhom jgħinu isibu ħajja aħjar fl-Ewropa. Dan fl-eku tat-traġedji fil-baħar Mediterran li seħħew fil-ġimgħat li għaddew.

Rapporti fuq il-media internazzjonali qed jikkwotaw żewġ Palestinjani li salvaw mit-traġedja bid-dettalji li taw lill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Migrazzjoni (IOM). Il-Palestinjani qalu li d-dgħajsa telqet minn Damietta fl-Eġittu fil-bidu ta’ Settembru.

Il-Palestinjani qed isostnu li d-dgħajsa tgħarrqet apposta mit-traffikanti wara li talbu lill-immigranti jmorru għal fuq dgħajsa iżgħar u li ma dehritx sigura. Meta l-immigranti bdew joġġezzjonaw li jmorru abbord id-dgħajsa ż-żgħira, it-traffikanti qabdu jisparaw fuq id-dgħajsa l-kbira, qalu l-Palestinjani.

Dan il-każ isegwi ieħor li seħħ fil-jiem li għaddew ‘il barra mill-kosta tal-Libja, li fih aktar minn 200 persuna hu maħsub li għerqu minn fost 250 li kienu abbord lanċa. L-IOM qed issostni li matul din is-sena biss għerqu aktar minn 2,500 persuna fil-Baħar Mediterran.

Kelliema għall-IOM qalet li ż-żewġ Palestinjani ġew salvati l-Ħamis li għadda, l-għada li d-dgħajsa għerqet. Huma qalu lill-IOM li t-traffikanti għarrqu d-dgħajsa wara l-argument bejn it-traffikanti u l-immigranti. Hu maħsub li b’kollox kien hemm disa’ persuni li salvaw minn fost l-immigranti Sirjani, Palestinjani, Eġizzjani u Sudaniżi li kien hemm.

Għadu mhux ċar x’inhi l-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar dan il-każ, hekk kif s’issa għadu ma kkummenta xejn.

(Ritratt: mill-Arkivji)