Internazzjonali

Franza: Jiżdied il-pressjoni għall-Gvern Soċjalista ta’ Valls

Komplew iż-żmenijiet diffiċli għall-Gvern Soċjalista immexxi mill-Prim Ministru Manuel Valls, li lbieraħ kien qed jiffaċċja t-tieni vot ta’ fiduċja f’anqas minn sitt xhur.
Dan waqt li l-popolarita tal-President Soċjalista Franċiż, Francois Hollande, niżlet f’livelli baxxi rekord, bl-amministrazzjoni tiegħu qed tipprova tnaqqas il-qgħad enormi minbarra li tistimola l-iżvilupp.
Il-vot kien mistenni tard ilbieraħ filgħaxija u d-deċiżjoni ta’ Valls biex jidħol għal ‘din l-eżami’ titqies bħala parti minn tentattivi tiegħu biex jikseb lura l-awtorita.
Min-naħa tiegħu, Hollande qed jiffaċċja rewwixta fi ħdan il-Kabinett fejn numru ta’ membri huma kontra l-politika tal-awsterita. Fl-istess ħin, hu għandu wkoll il-problemi personali minħabba d-dettalji li qed joħorġu mill-ktieb li għadha kemm ippubblikat l-eks sieħba tiegħu, Valerie Trierweiler, li għamlet żmien bħala l-First Lady ta’ Franza.
Illum, kważi żewġ-terzi tal-votanti Franċiżi iridu r-riżenja ta’ Hollande, u meta hemm stennija qawwija għar-ritorn fil-politika tal-eks-President ta’ Franza, Nicolas Sarkozy.
Kien mistenni li madwar tletin deputat Soċjalista kellhom jastjenew mill-vot ta’ fiduċja talbieraħ, li rriżulta wkoll minn reshuffle fil-Kabinett, wara li tqaċċtu tliet Ministri tax-xellug talli huma kkritikaw il-miżuri tal-awsterita tal-Gvern.
Manuel Valls kien rebaħ vot ta’ fiduċja simili f’April, iżda f’każ li hu għandu jitlef l-appoġġ għall-programm tal-Gvern tiegħu fl-Assemblea ta’ Pariġi ( magħmulha minn 577 deputat) hu ma jkollux alternattiva ħlief li jirriżenja.
Il-Gvern ta’ Franza, illum, qed jiffaċċja qgħad ta’ għaxra fil-mija, minbarra sitwazzjoni ta’ żvilupp ekonomiku negliġibbli. L-Amministrazzjoni ta’ Valls ammettiet ukoll li mhix se tkun tista’ tnaqqas l-iżbilanċ għal-limitu stabbilit mill-Unjoni Ewropea qabel l-2017.
Manuel Valls ċaħad li informa lill-eqreb kollaboraturi tiegħu li ‘l-Gvern Soċjalista jispiċċa jekk huma ma jaqilbux is-sitwazzjoni minn tlieta sa sitt xhur oħra’.
Dawn il-kummenti partikolari kienu kkwotati mill-gazzetta Franċiża Le Monde, b’Valls qed isejjaħ għall-għaqda fost il-membri tal-partit fil-Gvern, minbarra li jwissi li ‘l-Front Nazzjonali (tal-estremisti tal-lemin) qegħdin iħabbtu fuq il-bibien tal-poter’.
F’każ li tkompli l-kriżi tal-Gvern Soċjalista, il-President Hollande jista jevita li ssir elezzjoni ġdida b’li jaħtar mill-ġdid il-Prim Ministru tiegħu. Madankollu dan ma jfissirx li l-pass se jsolvi l-problemi tal-Gvern inkella jkattar il-fiduċja tal-votanti Franċiżi fl-Amministrazzjoni.