Għawdex Knisja Lokali

Id-Djoċesi ta’ Għawdex illum tfakkar il-150 sena mit-twaqqif tagħha

Id-Djoċesi ta’ Għawdex, li twaqqfet mill-Beatu Piju IX fis-16 ta’ Settembru 1864, qed tiċċelebra il-150 sena mit-twaqqif tagħha. It-twaqqif ta’ Djoċesi ġdida u awtonoma minn dik ta’ Malta, u li kellha tinkludi wkoll it-territorju tal-gżira ċkejkna ta’ Kemmuna, kien tħabbar uffiċjalment mill-Papa fil-Konċistorju tat-22 ta’ Settembru.

Bħala l-ewwel Isqof ta’ Għawdex kien magħżul Mons Mikiel Franġisk Buttigieg, mill-Qala u li dak iż-żmien kien l-Arċipriet tar-Rabat.

F’dawn il-150 sena, f’Għawdex ġew ordnati 613-il Saċerdot fi żmien tmien Isqfijiet differenti u żewġ Amministraturi Appostoliċi. Id-Djoċesi Għawdxija welldet ukoll diversi vokazzjonijiet ta’ Qassisin, li llum qed iservu fil-Missjoni. F’dawn il-150 sena, l-aktar Parroċċi li minnhom ħarġu Qassisin kienu dawk tar-Rabat, tan-Nadur u tax-Xagħra.

Fl-okkażjoni ta’ din il-ġrajja speċjali, l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech se jmexxi Konċelebrazzjoni Pontifikali ta’ Radd il-Ħajr fil-Katidral ta’ Għawdex. Fil-Knejjes Parrokkjali kollha, it-Tlieta kien jum ta’ Adorazzjoni Solenni, li se tintemm b’mota solenni fis-6pm.