Lokali

Il-Prinċep Harry minflok Kate Middleton għaċ-ċelebrazzjonijiet uffiċjali tal-Indipendenza

Il-ħafna ewforija u stennija għall-wasla ta’ Kate Middleton f’pajjiżna sfumat fix-xejn. Dan għaliex kollox qed jindika li d-Dukessa ta’ Cambridge mhux se tkun qed iżżur pajjiżna fi tmiem il-ġimgħa f’dak li kellu jkun l-ewwel vjaġġ uffiċjali tagħha weħidha f’pajjiż ieħor. Madankollu, dan il-vjaġġ ġie kkanċellat minħabba t-tieni tqala ta’ Middleton.

Minflokha, hu kważi ċert li se jkun qed jiġi Malta l-Prinċep Harry biex jipparteċipa fiċ-ċelebrazzjonijiet uffiċjali tal-50 anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza. Jidher li l-Prinċep Harry se jasal Malta s-Sibt li ġej, lejliet l-anniversarju, skont konferma li l-awtoritajiet Maltin irċievew ilbieraħ. L-ewwel laqgħa uffiċjali tiegħu se tkun mal-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca.

Il-Prinċep Harry, li għadu kif għalaq 30 sena, se jkun qed jipparteċipa ukoll fil-Quddiesa Pontifikali f’Jum l-Indiependenza, li se ssir fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.