It-Tnejn saret l-ewwel serata ta’ tqassim taċ-ċertifikati lit-tfal li attendew għall-kors Ikids, kors ta’ tagħlim tal-ICT offrut lit-tfal bejn 5 u 10 snin b’xejn mill-Kunsilli Lokali.
Dan bl-għan li l-kors iservi bħala opportunità tad-deheb għat-tfal Maltin biex minn età bikrija jibdew jiffamiljarizzaw rwieħhom mal-għodod bażiċi tal-ICT.
Attenda għal din is-serata s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo, li qal li l-Kunsilli Lokali għandhom jibqgħu joffru dawn il-korsijiet. Qal ukoll li ngħatat għajnuna finanzjarja akbar lil dawk il-lokalitajiet fiż-żona tal-Port fosthom lil Kunsilli Lokali tal-Belt Valletta, Marsa u dawk tal-Kottonera sabiex it-tfal kollha jkunu jistgħu jattendu għal dawn il-korsijiet.
Is-Segretarju Parlamentari sostna li l-proġett Ikids huwa wkoll prova ċara li l-kooperazzjoni bejn il-privat u l-Gvern Lokali għadha dejjem tigi mħeġġa. Huwa għalhekk li appella għal aktar parteċipazzjoni u kooperazzjoni bejn kumpaniji privati u l-Kunsilli Lokali mhux biss fil-qasam tat-taħriġ iżda wkoll f’oqsma oħra li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Gvern Lokali.
Is-serata ta’ tqassim taċ-ċertifikati kompliet ilbieraħ fit-Teatru Rjal fejn matulha ġew ppremjati t-tfal u l-Kunsilli Lokali fiż-żona tan-naħa t’isfel ta’ Malta.
//= $special ?>