L-Avukat Ġenerali, permezz tal-Avukat Philip Galea Farrugia, appella mid-deċiżjoni tal-Qorti fil-konfront ta’ Gregorio Scicluna, ta’ 52 sena mill-Kalkara u magħruf bħala “il-Goodie”, li fil-5 ta’ Settembru li għadda ngħata l-libertà proviżorja. Scicluna jinsab mixli bil-qtil ta’ missier l-eks sieħba tiegħu u li fera lill-eks sieħba u lil uliedhom. Il-Prosekuzzjoni qed tgħid li fid-29 ta’ Ottubru 2013 spara tliet tiri mill-qrib u qatel lil Joseph Caruana, ta’ 61 sena.
L-appell sar minħabba l-karattru tal-akkużat, li jirrendieh bħala bniedem imprevedibbli u inaffidabbli. Sar ukoll minħabba l-fatt li minkejja l-kundizzjonijiet li ġew imposti fuqu, Gregorio Scicluna ftit li xejn jista’ joffri serħan il-moħħ lill-vittmi tiegħu, li b’xorti tajba għadhom ħajjin. Il-Prosekuzzjoni qed issostni li għalkemm hemm ordni ta’ protezzjoni għall-vittmi, kulma għadhom għaddew minn dik l-għodwa ta’ biża’ huma anqas minn 11-il xahar.
Għalhekk, it-tliet vittmi xorta se jgħixu tterrorizzati bil-ħsieb li l-akkużat jista’ jkun warajhom. Dawn mhux biss kienu fil-mira li jinqatlu, iżda effettivament huma l-uniċi xhieda ta’ dak kollu li seħħ, inkluż il-qtil ta’ Joseph Caruana. Minkejja li ngħata l-libertà proviżorja, Scicluna xorta baqa’ miżmum il-ħabs minħabba li baqa’ ma ħallasx id-depożitu ta’ €30,000.
Ir-Rikors tal-Avukat Ġenerali sar ukoll minħabba li skont il-Prosekuzzjoni l-akkużat hu persuna perikoluża. Hu wkoll reċidiv b’numru ta’ sentenzi mogħtija mill-Qrati, fosthom sentenza li fiha kien instab ħati li ħajjar u assista mara biex toqtol lil żewġha, xi ħaġa li effetivament għamlet, u li hu kien taha arma biex tagħmel dan.
Ir-Rikors jgħid ukoll li numru ta’ reati oħrajn li kien involut fihom huma dawk ta’ natura sesswali, fosthom fuq minuri. Ir-Rikors jgħid ukoll li minħabba t-temperament mhux ta’ min jafdah li għandu Gregorio Scicluna, Joseph Caruana ilu mejjet kważi sena, Simone Caruana għadha sal-lum biċ-ċomb f’ġisimha, u l-minuri Yasmin u Shania se jqattgħu l-kumplament ta’ ħajjithom bit-trawma li missierhom spara fuqhom u li qatel lil nannuhom.
Gregorio Scicluna kien ingħata l-libertà proviżorja wkoll fuq garanzija personali ta’ €30,000. Għall-akkużat qed jidhru l-Avukati Michael u Lucio Sciriha, filwaqt li l-Avukat Stephen Tonna Lowell qed jirrappreżenta lill-vittmi. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispeturi Stephen Pullicino, Keith Arnaud u Robert Said Sarreo.
//= $special ?>

