Internazzjonali

L-Iraq: Konsulenti Amerikani jistgħu jissieħbu fl-attakki kontra l-grupp IS

Il-Ġeneral ewlieni tal-qawwiet Amerikani, Martin Dempsey, qal li għandu jikkunsidra l-użu ta’ konsulenti militari Amerikani waqt l-attakki kontra t-terroristi tal-grupp Stat Izlamiku (IS) fl-Iraq.

Hu sostna, intant, li l-attakki tal-ajru li għandhom isiru kontra l-militanti tal-IS fis-Sirja m’humiex se jaddottaw is-sistema li ntużat waqt il-Gwerra tal-Golf ta’ snin ilu, ‘minħabba l-fatt li l-IS mhux organizzat bħal xi Armata konvenzjonali’.

Aktar qabel, l-Istati Uniti qalet li kienet wettqet l-ewwel attakk mill-ajru kontra t-terroristi inkwistjoni bħala parti mill-istrateġija ġdida tal-President Amerikan Barack Obama bl-iskop li ‘jkissru u jeqirdu’ il-grupp IS. Ir-rapporti qalu, intant, li l-ajruplani tal-gwerra Amerikani qerdu ‘pożizzjoni tal-militanti’ fil-limiti ta’ Baghdad.

Fi żviluppi oħra, il-Parlament tal-Iraq ma aċċettax il-Ministri innominati mill-Prim Ministru Iraqi, Haider al-Abadi, għad-dekasteri tad-Difiża u l-Intern. Dan ifisser daqqa ta’ ħarta għall-isforzi ta’ Abadi li qed jipprova jikkonsolida amministrazzjoni soda għal kontra l-IS — li t-terroristi tiegħu ħatfu l-kontroll ta’ territorji lejn in-naħa ta’ fuq tal-Iraq u fis-Sirja, u ddikjarawhom ‘kalifat’.

Sadanittant, it-Turkija qed tiżviluppa pjani għal buffer żone fil-fruntiera tagħha mal-Iraq u s-Sirja, bl-iskop li tilqa’ għat-theddida tat-terroristi mal-grupp Stat Iżlamiku.

Il-President Tork, Recep Tayyip Erdogan, qal li l-militar tiegħu qed jaħdmu fuq il-pjani u li hu għandu jieħu d-deċiżjonijiet finali f’dan ir-rigward. Erdogan, intant, ma ħareġ bl-ebda dettalji dwar l-inħawi preċiżi tal-buffer zone, inkella dwar kif din se tipprovdi difiża valida.

L-Istati Uniti, fil-preżent, qed tibni koalizzjoni kbira, bis-sehem ta’ diversi pajjiżi, biex tikkumbatti lill-IS bl-aktar metodi effettivi.

Dan meta l-aħħar attakki mill-ajru tal-Amerikani laqtu l-inħawi tal-IS lejn il-Lbiċ ta’ Baghdad, bl-azzjoni titqies bħala parti mill-‘isforzi estiżi’ lejn il-protezzjoni tal-minoranzi li spiċċaw taħt theddida diretta mit-terroristi. Azzjonijiet bħal dawn jgħinu wkoll biex il-qawwiet tal-Iraq imorru fuq l-offensiva kontra l-grupp Stat Iżlamiku.

Filwaqt li r-rapporti ma speċifikawx iz-zona milquta, x’aktarx li l-jet-fighters tal-Amerikani kkonċentraw l-attakki fuq l-inħawi ta’ Sadr al-Yusufiya u qed jingħad li ntlaqtu numru ta’ ‘miri importanti’.