Il-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN) sa mill-bidu nett tad-dibattitu dwar il-pjan tal-gvern li jirriforma l-liġijiet dwar id-drogi tal-abbuż kien ċar fl-intenzjoni tiegħu li jkun parteċipi f’dan id-dibattitu bl-aktar mod kostruttiv possibli u bl-aktar sens wiesgħa ta’ konsultazzjoni. Kien għalhekk li l-MŻPN mhux biss ltaqa’ ma’ bosta stakeholders iżda anke’ organizza seminar nazzjonali dwar il-kwistjoni li għaliha l-partijiet kollha kkonċernati kienu mhux biss preżenti iżda wkoll parteċipi. Bħala parti mil-proċess ta’ konsultazzjoni kellna laqgħat ma’ numru ta’ għaqdiet fosthom Legalize It Malta, l-Caritas Malta, il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, il-Kunsill Studenti Universitarji kif ukoll individwi u l-pubbliku inġenerali.
L-MŻPN organizza seminar nazzjonali dwar dwar il-pjan tal-gvern li jirriforma l-liġijiet dwar id-drogi tal-abbuż fid-9 t’Awwissu fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista. Seminar li fih tkellmu rappreżentanti tal-Caritas, tas-Sedqa, tal-Legalize It Malta, tal-AVfDA u tar-Rise. Preżenti wkoll kien hemm l-avukat Dr. Roberto Montalto u l-kriminologa Dr. Sandra Scicluna. F’isem l-Oppożżizjoni tkellmu Dr. Chris Said u Claudio Grech, f’isem il-Gvern l-Ministru Dr. Owen Bonnici u Dr. Godfrey Farrugia, u l-Perit Carmel Cacopardo f’isem l-Alternattiva Demokratika.
Għal dan is-seminar kienu mistiedna numru kbir ta’ għaqdiet taż-żgħażagħ kif ukoll bosta stakeholders. Is-seminar kien indirizzat ukoll mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr. Simon Busuttil.
L-MŻPN u r-Riforma
L-MŻPN tilqa’ b’mod mill-aktar pożittiv ir-riforma fil-liġijiet tad-drogi tal-abbuż. Huwa ċar li f’dan il-qasam hemm bżonn ta’ bidla kbira fil-mentalita’. Il-focus ma jridx jibqa’ battalja kontra d-droga nnifsha biss iżda l-għajnuna lill-persuna li jkun fiċ-ċirku vizzjuz tad-droga u l-konsegwenzi kollha li dan il-vizzju jġib miegħu. Ċertament li l-post għal tali persuna mihiex il-Qorti, tiċpis ta’ kondotta jew agħar minn hekk il-ħabs. L-MŻPN għalhekk temmen li l-white paper f’dan is-sens toffri pass il-quddiem. Naturalment filwaqt li post min ikun waqa’ fiċ-ċirku vizzjuz mhuwiex il-qorti jew il-ħabs l-istorja hija differenti fil-każ tat-traffikant. Hawn ukoll iżda l-MŻPN twissi li għandha tingħata attenzjoni sabiex il-kelma traffikant tkun ċara għar-rigward ta’ min tirreferi sabiex b’hekk il-ġlieda tkun miġġielda kontra min għandha tkun miġġielda u mhux kontra min ikun qiegħed biss jaġixxi sforz il-vizzju li jkun waqa’ fih.
F’dan is-sens il-white paper tal-gvern hija kważi xotta għal kollox u filwaqt li l-gvern verbalment stqarr attitudni iebsa fil-konfront tat-traffikant il-white paper hija nieqsa assolutament min proposti f’dan is-sens.
L-MŻPN temmen ħafna fir-rwol u l-potenzjal tal-Kummissarju propost. Tali rwol iżda għandu jisaħħaħ fih l-element ta’ appoġġ u kura. Appoġġ u kura li bla dubju ta’ xejn m’għandiex tkun xi one size fits all solution iżda għandha tkun individwalizzata.
Ugwalment l-MŻPN iħoss li l-gvern għandu juri aktar fiduċja fil-kura anke meta din għall-ewwel ma’ tkunx suċċess. F’dan is-sens għalhekk l-MŻPN jipproponi sistema fejn min jinqabad jikser dak li ġie mitlub jagħmel mill-Bord, minflok awtomatikament isib ruħu quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, kif bħalissa huwa suġġerit fil-white paper, ikun jista’ jingħata ċans għal tkomplija tal-kura jekk il-Bord jidhirlu li dan huwa l-aħjar pass. Dan billi minflok sistema ta’ referenza awtomatika lill-Qorti tal-Maġistrati hawnhekk titħalla d-diskrezzjoni da parti ta’ l-istess Bord dwar x’inhu l-aħjar pass fil-konfront tal-persuna involuta. B’hekk jiġi assigurat li l-Qorti tal-Maġistrati tidħol biss in xena meta huwa ċar li din hija l-unika għażla li fadal.
Fejn tidħol l-kannabis il-gvern jaqta’ din id-droga għaliha. Pass li bosta stakeholders esprimew tħassib serju dwaru. L-MŻPN għalhekk jemmen li tali proposta ċertament jimmeritaha dibattitu mill-aktar tekniku fejn jiġu studjati l-implikazzjonijiet u l-possibilitajiet kollha. Lir-rwol tal-Kummissarju f’dan is-sens jista’ jisaħħaħ minn wieħed ta’ sempliċi għoti ta’ multi jew twissija, għal wieħed fejn f’każ li tiġi identifikata persuna li huwa ċar li għandha bżonn l-għajnuna tingħatha kull ċans u opportunita’ ta’ kura personalizzata u ma tkunx il-liġi stess li tkun ostaklu tal-għajnuna meħtieġa. L-għan m’għandux jkun dak ta’ kastig qisha xi sempliċi ċitazzjoni tas-sewqan, iżda li l-persuna tiġi trattata ta’ uman biċ-ċirkostanzi uniċi tagħha.
Wasal iż-żmien, speċjalment f’każijiet ta’ pussess sempliċi, li mhux neċessarjament it-tip ta’ droga tagħmel id-differenza, iżda ir-realta’ u ċ-ċirkostanzi tal-individwu kkonċernat. Forsi wieħed irid janalizza s-sitwazzjoni tal-individwu u jgħin skont il-każ – iċ-ċentru jkun l-individwu u mhux it-tip ta’ droga li qed jieħu. Matul dan il-perjodu ta’ konsultazzjoni smajna ħafna l-element ta’ ‘vojt fil-ħajja’ jew problemi soċjali li spjegaw ex-users li kienu dawn il-kaġun li wassalhom għad-droga anke jekk dak iż-żmien ma kienux jirrealizzaw – kif ukoll qablu ma’ dan nies li ħadmu ma’ addicts fir-rijabilitazzjoni tagħhom.
F’bosta każijiet il-vittma tkun qegħda ddur għad-droga bħala soluzzjoni għall-vojt personali u diversi problemi soċjali li tkun imdawwra bihom. U għalhekk il-missjoni soċjali tagħna għandha tkun waħda li tara li dan il-vojt jimtela’ iżjed milli tikkonċentra biss fuq id-droga waħidha. Id f’id ma’ dan kollu, hemm bżonn ukoll li tiżdied kuxjenza u edukazzjoni ħolisitka dwar problemi soċjali, fosthom emozjonali, ta’ saħħa u saħħa mentali.
Fir-rigward tal-kannabis l-MŻPN tara wkoll bħala pass fid-direzzjoni t-tajba l-għażla li jiġi permess l-użu tal-kannabis għal skopijiet mediċinali liema użu għandu jsir skond l-istandards mediċi applikabbli għal kull mediċinali ieħor.
Pass ieħor pożittiv huwa dak fejn jidħol il-każ ta’ overdose. Ir-riforma proposta fejn l-att li wieħed jieħu għal kura medika persuna li jkun qiegħed isofri overdose anke’ jekk hu stess ikun għamel użu mid-droga jiġi kkunsidrat favorevilment fil-konfront tal-persuna fi kwalunkwe passi li jkunu ser jittieħdu fil-konfront ta’ dik il-persuna għaliex hemm bżonn li naraw li iżjed ħajjiet ta’ persuni li jkunu qed jesperjenzaw overdose jissalvaw.
Hemm pero’ xi punti oħra li huma riżultat ta’ abbuż li forsi mhumiex jiġu indirizzati minn din il-white paper, bħal per eżempju droga fl-isports u abbuż minn droga ta’ preskrizzjoni. Irid ukoll jissemma’ l-bżonn ta’ żieda qawwija ta’ riżorsi adegwati għal kull aspett marbut ma’ din il-white paper.
L-MŻPN tawgura li l-gvern jagħti widen tassew lil dak li qiegħed jingħad waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni. B’dibattitu matur, oġġettiv u ħieles mill-mossi politiċi rħas pajjiżna jista’ jasal tassew għal riforma li ġġibu aġġornat maż-żminijiet fejn tidħol il-liġi fil-konfront tad-drogi tal-abbuż. Irridu naraw li r-risposta li qiegħdin nagħtu hija jekk aħniex se nkunu qed ngħixu f’soċjeta’ aħjar milli qiegħdin fiha bħalissa.
//= $special ?>