Internazzjonali

L-Ukrajna: Awtonomija lis-separatisti fost ir-ratifika ta’ ftehim mal-UE

Il-Parlament Ukren ikkonferma awtonomija għal diversi bnadi fir-reġjuni tal-Ukrajna tal-Lvant li huma kkontrollati mir-ribelli separatisti. Intant, dan il-Parlament ħareġ ukoll b’amnestija għall-istess ġellieda li jridu l-għaqda mar-Russja.

Il-miżuri ttieħdu skont il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied tal-5 ta’ Settembru li iffirma l-President tal-Ukrajna, Petro Poroshenko.

Il-Parlamenti tal-Ewropa u l-Ukrajna anki vvutaw biex jirratifikaw ftehim għal assoċjazzjoni ewlenija bejn l-Ukrajna u l-Unjoni Ewropea. Il-ftehim talbieraħ kien ‘l-għeruq’ tal-kriżi tal-Ukrajna li żbroffa xhur ilu – bil-voti li rratifikawh isiru fl-istess ħin, b’kollegament bil-video dirett bejn il-Parlamenti fi Kiev u Strasbourg.

Ir-ribelli separatisti ilhom jiġġieldu kontra l-qawwiet tal-Gvern Ukren mindu huma, f’April, ħatfu numru ta’ bliet fir-reġjuni ta’ Donetsk u Luhansk, lejn il-Lvant tal-Ukrajna.

Intant, l-Ukrajna u l-Punent akkużaw ir-Russja b’li qed tappoġġja lis-separatisti bis-suldati u l-armamenti, waqt li l-Kremlin ta’ Moska qed jiċħad għal dan.

Filwaqt li l-amnestija li tħabbret taffettwa lis-separatisti fir-reġjuni Ukreni tal-Lvant, din ma tkoprix l-inċident ta’ Lulju fejn kien twaqqa’ l-ajruplan tal-Malaysia Airlines waqt li kien qed itir fuq l-Ukrajna u bir-riżultat li mietu l-298 persuni ta’ fuqu.

Il-Mexxejja tal-Punent jemmnu li r-ribelli separatisti fl-Ukrajna tal-Lvant, dakinar, kienu sparaw missila ta’ manifattura Russa biex iniżżlu l-ajruplan, bis-separatisti u r-Russja qed jirrifjutaw it-teorija.

Fl-istess ħin, ir-ribelli separatisti fl-Ukrajna li qed ikunu akkużati dwar ‘delitti serji oħra’ lanqas m’għandhom iserrħu rashom mill-amnestija.

Sadanittant, ir-Russja qalet li teħtieġ iżżid l-ammont tat-truppi fil-Krimea; l-eks peniżola tal-Ukrajna li r-Russi kienu għaqqdu mat-territorju tagħhom, f’Marzu li għadda.

Il-Ministru tad-Difiża Russu, Sergei Shoigu, qal li ‘qawwa sħiħa u kompluta’ għandha tieħu postha fir-reġjun indikat minħabba l-kriżi tal-Ukrajna u ‘l-iżviluppi militari li qed isiru barra r-Russja’.