Lokali

Mira biex il-Community Chest Fund tinbidel minn fond għal fondazzjoni

Waqt li kienet qed tindirizza lill-konsulenti mediċi f’Londra, il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca ħabbret li se tkun qed tirriforma l-Malta Community Chest Fund. Il-President spjegat li minn fond, il-Malta Community Chest Fund se tinbidel għal fondazzjoni li mhux biss tipprovdi servizzi lill-persuni għaddejjin minn perjodu ta’ mard, iżda li tikkontribwixxi anke fir-riċerka fuq il-mard.

Waqt li kienet qed tindirizza lill-konsulenti f’attività organizzata mill-Presidenza f’Londra, Coleiro Preca talbet lill-konsulenti mediċi fl-Ingilterra li jieħdu ħsieb il-kura ta’ pazjenti Maltin biex jaqsmu mal-Presidenza suġġerimenti ta’ kif jista’ jissaħħaħ is-servizz lejn il-pazjenti Maltin. Fost il-konsulenti mediċi li laqgħu b’entużjażmu l-proposta tal-President, kien hemm anke konsulenti mediċi Maltin li ilhom snin twal joperaw minn sptarijiet Ingliżi.

Il-President irringrazzjat lill-konsulenti mediċi għad-dedikazzjoni tagħhom fil-kura tal-pazjenti Maltin u spjegat kemm l-istess Maltin japprezzaw l-isforzi li qed isiru biex il-kura tkun suċċess.