Raġel ta’ 61 sena intbagħat 12-il xahar ħabs wara li nstab ħati li f’Lulju li għadda daħal fl-Għassa ta’ Birżebbuġa b’tyre ta’ karozza f’idejh “biex iwaddbu” lil Spettur tal-Pulizija. Minbarra l-piena ta’ priġunerija, Zahra ġie mmultat €200. Hu nstab ħati wkoll li attakka u rreżista erba’ Pulizija u li kkaġuna feriti ħfief fuq wieħed minnhom f’każ li seħħ fid-19 ta’ Lulju li għadda għall-ħabta tal-11.30am.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet li l-Pulizija kienu qed jagħmlu xogħolhom u spiċċaw il-mira ta’ abbuż verbali. Qalet ukoll li Zahra m’għamilx sew li pprova jbeżżagħhom bil-mod kif aġixxa fl-Għassa. Qalet li dan l-inċident seta’ faċilment jiġi evitat kieku l-imputat daħal l-Għassa u ġab ruħu sew. Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia, qalet ukoll li mingħajr ebda dubju kienet qed temmen il-verżjoni tal-membri tal-Korp tal-Pulizija.
Mix-xhieda tal-Prosekuzzjoni fil-Qorti, irriżulta li dakinhar, Zahra daħal fl-Għassa ta’ Birżebbuġa u sab lill-Kuntistabbli Erica Abela u lis-Surġent Frankie Sammut. Hu daħal b’tyre ta’ karozza f’idejh. Wara li beda jidgħi, staqsa għall-Ispettur Priscilla Caruana u hedded li jwaddabulha. Il-Kuntisabbli Abela ħassitha mbeżża’ u fil-pront waslu l-Ispettur Priscilla Caruana flimkien mas-Surġent Jerry Attard, li laħqu raw xi membri tar-Rapid Intervention Unit jiġru lejn l-Għassa.
Dak il-ħin, Zahra kien qed jgħajjat u minkejja li l-Pulizija qalulu biex jikkalma, għajjar lill-Ispettur Johann Fenech, li dak il-ħin ma kienx preżenti. Wara, Zahra ħareġ barra l-Għassa u bdiet tkellmu l-Ispettur Caruana. Ġie nnutat li l-karozza li kien qed jagħmel użu minnha kellha l-liċenzja tat-triq mhux imħallsa. Meta kien mitlub biex jagħti d-dokumenti tal-Assigurazzjoni lis-Surġent Attard, Zahra ma riedx iżda tahom lill-Ispettur Caruana.
Meta s-Surġent Attard ordna li tinħareġ ċitazzjoni għax il-liċenzja ta’ mal-windscreen ma kinitx imġedda, Zahra fetaħ il-bieba u waqt li kien dieħel fil-karozza qal kliem dispreġjattiv lis-Surġent Attard. Zahra tilef il-kontroll tant li qabad sikkina minn bejn is-seats u meta ntalab joħroġ mill-vettura rrifjuta. Aktar tard, hu nħareg u ntalab iċedi s-sikkina, jikkalma u jieqaf minn dak l-atteġġjament.
Minħabba li l-imputat ma kkoperax, il-Pulizija użat fuqu l-pepper spray. Huma ħadu s-sikkina tal-imputat iżda hu rrifjuta wkoll li jiġi mmanettjat. Kien hawn li xejjer daqqa ta’ ponn lill-Kuntistabbli Christopher Farrugia, fejn ikkaġunalu ferita ħafifa, qattalu l-qmis u kissirlu wkoll in-nuċċali.
Min-naħa tiegħu, Zahra ċaħad il-verżjoni li taw il-Pulizija u qal li l-Pulizija aggredewh għal xejn b’xejn. Hu attribwixxa l-atteġġjament tiegħu għall-frustrazzjoni li kienet qed tqabbdu l-imġieba ta’ ibnu u għall-fatt li skont hu ma tantx kien qed jara għajnuna mill-Pulizija.
Il-Qorti qalet li fuq kollox l-imputat qabad sikkina waqt li kien qed jirreżisti l-arrest, hedded lill-Pulizija u agredixxa lil wieħed minnhom fiżikament, tant li kkaġunalu feriti ħfief. Il-Qorti qalet li dan l-atteġġjament mhux tollerabbli f’soċjetà ċivili. Il-Qorti qieset ukoll il-kondotta xejn sabiħa ta’ Zahra, li għandu 120 kundanna bejn l-1963 u l-2008. Il-Qorti qalet li “l-imputat jrid jifhem li l-għawġ li ħakmu hu kollu kemm hu tort tiegħu u ma jistax joqgħod iwaħħal fil-Pulizija, jew fil-Qrati”.
Il-Qorti saħqet li bil-piena li se tagħti jrid jintbagħat messaġġ li min ikun żbalja kif żbalja l-imputat jeħtieġ li jifhem li għamel ħażin u jrid jingħata piena xierqa bħala deterrent. Madankollu, il-Qorti qalet li l-piena trid isservi wkoll biex l-imputat jingħata l-opportunità kemm jista’ jkun malajr biex jimbarka fit-triq it-tajba.
Il-Prosekuzzjoni fil-każ tmexxiet mill-Ispettur Priscilla Caruana.
//= $special ?>
