Jean Claude Bugeja ta’ 42 sena minn Santa Venera, l-accountant tal-Maltese Cross Financial Services Limited qed jinżamm arrestat il-ħabs ta’ Kordin wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke b’ħasil ta’ flus u li żamm għalih aktar minn €4 miljun għad-dannu ta’ diversi persuni li nvestew fil-kumpanija.
Minkejja li huwa kien mixli b’dan l-ammont il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Ian Abdilla temmen li l-ammont involut f’dan il-każ ilaħħaq is-€6.2 miljun u li l-persuni li ngidmu jammontaw għal 222.
Bugeja ta’ 42 sena minn Santa Venera ġie mixli b’ħasil ta’ flus, b’miżapproprjazzjoni ta’ aktar minn €4 miljun b’dannu għal diversi klijenti tal-kumpanija, bi qliegħ b’qerq b’dannu għad-diretturi tal-istess kumpanija Robert Cutajar u Stephen Spiteri u li seraq fondi investiti b’dannu għal diversi klijenti.
Huwa kien mixli wkoll li iffalsifika dokumenti tal-banek Bank of Valletta u Kommerzbank kif ukoll dawk tal-kumpanija u li qarraq bl-awdituri tal-kumpanija.
Bugeja, li għandu jiddefendih lill-Avukat Joseph Giglio, wieġeb mhux ħati ta’ dawn l-akkużi. Il-Prosekuzzjoni talbet ukoll kemm għall-iffriżar tal-assi ta’ Bugeja kif ukoll biex f’każ ta’ ħtija huwa jkollu l-‘warrant’ irtirata.
Il-Qorti laqgħet it-talba għall-iffriżar tal-assi għalkemm ippermettietlu li kull sena jiġbed sa mhux iktar minn €13,976 biex ikun jista’ jgħix bihom.
F’din il-kawża ż-żewġ Diretturi msemmijin għandhom jirrappreeżntawhom lill-Avukat Stefano Filletti waqt li l-avukati Giannella de Marco, Gianluca Caruana Curran, Kathleen Grima, Pauline Lanzon u Adrian Delia qegħdin jidhru għall-klijenti.
L-Avukat Michelle Mizzi Buontempo qed tidher fil-każ bħala rappreeżntanta tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA).
L-arrest ta’ Bugeja seħħ wara li matul dawn l-aħħar ġimgœat madwar 16-il investitur ippreżentaw protest fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-kumpanija fejn żammewha responsabbli għat-telf li sofrew.
Ftit tal-jiem biss wara ż-żewġ diretturi tal-kumpanija, Robert Cutajar u Stephen Spiteri, ippreżentaw kontro-protest li fih qalu li kienu infurmaw lill-Pulizija u lill-MFSA li direttur ieħor kien infurmahom li hemm mas-€6 miljun nieqsa fl-assi tal-klijenti. Huma żammew lill-istess Bugeja responsabbli għal dan in-nuqqas.
//= $special ?>