Lokali Unjoni Ewropea

Aġġornata: Alfred Sant jispjega l-astensjoni fil-vot dwar il-ftehim bejn l-UE u l-Ukrajna

L-eks Mexxej Laburista u llum Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant astjena mill-vot li ttieħed fil-Parlament Ewropew u li permezz tiegħu ntlaħaq ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna. Il-ħames MEPs l-oħrajn f’isem Malta vvutaw favur, bil-vot jgħaddi b’535 vot favur, 127 kontra u 35 astensjoni.

F’kumment lil The Times, Sant qal li ħass li kellu jastjeni fil-kuntest taċ-ċirkostanzi ġeo-politiċi fil-pajjiż. Sostna li għalih iż-żmien magħżul mill-UE biex jittieħed il-vot mhux wieħed prudenti, kif ukoll li ma ħassux ċert jekk ingħatatx l-importanza meħtieġa lill-poplu fil-lvant tal-Ukrajna, li aktar jappoġġjaw lir-Russja. Sant qal li skont hu d-dibattitu fil-Parlament Ewropew ma solvewx dawn id-dubji.

Dan il-vot fisser assoċjazzjoni politika u suq ħieles bejn l-Ukrajna u l-UE. Hu meqjus bħala pass eqreb biex l-Ukrajna tissieħeb mal-UE skont ix-xewqa ta’ ħafna Ukreni, li ċ-ċaħda tagħha wasslet ukoll biex beda l-kunflitt intern fl-Ukrajna li evolva f’kunflitt akbar mal-UE.

Stqarrija mill-MEPs tal-Partit Nazzjonalista

Fi stqarrija, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa, flimkien mal-MEPs tal-PN Roberta Metsola u Therese Comodini Cachia, qalu li huma kburin li ħadu pożizzjoni favur il-poplu Ukren. Il-vot fil-Parlament Ewropew irrifletta l-għażla taċ-ċittadini tal-Ukrajna favur rabtiet aktar mill-qrib mal-Ewropa, għażla li għaliha kienu lesti jissagrifikaw anke ħajjithom.

L-MEPs tal-PN qalu li bħala MEPs ta’ pajjiż żgħir fil-periferija tal-Ewropa, il-Maltin fil-Parlament Ewropew għandhom ikunu aktar sensittivi għad-destin tal-poplu Ukren, li pajjiżu wkoll jinsab fuq il-fruntiera tal-Ewropa. Fl-istqarrija huma appellaw ukoll lill-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat biex jiddikjara jekk hux qed jappoġġja l-pożizzjoni li ħa Sant fil-Parlament Ewropew.