L-Oppożizzjoni tagħti appoġġ sħiħ lill-miżuri tal-Gvern dwar il-ħidma kontra l-ebola. Wieħed għandu jpoġġi bħala prijorità l-interess ta’ dawk li jaħdmu fis-Saħħa Pubblika u anke membri tal-Forzi Armati ta’ Malta u l-Pulizija. Waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Claudio Grech qal li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) sostniet li l-kwistjoni tal-ebola hi emerġenza fis-Saħħa Pubblika fuq livell internazzjonali.
Claudio Grech sostna li nofs il-każijiet tal-ebola saru fil-Liberja, iżda din infirxet għal numru ta’ pajjiżi oħrajn, fosthom il-Guinea, in-Niġerja, Sierra Leone, is-Senegal u l-Congo. “L-epidemija qed tirranka”, sostna l-Kelliem tal-Oppożizzjoni, li spjega li ftit tal-jiem ilu kellu laqgħa ma’ Uffiċjali Għolja tal-Gvern. Dakinhar, il-PN ressaq sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet, fosthom dwar l-infrastruttura, fl-eventwalità li tfaqqa’ l-epidemija.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa qal li l-probabbiltà li l-ebola tasal f’pajjiżna tidher li hi baxxa ħafna.
//= $special ?>