Lokali Parlament Saħħa

Bżonn ta’ kunsens bejn iż-żewġ partiti fid-diskussjoni dwar l-istrutturi ta’ Mater Dei – Claudio Grech

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista temmen li l-każ tal-istrutturi ta’ Mater Dei mhux biss għandu jkun diskuss b’mod urġenti fil-Parlament, iżda għandu jkun hemm kunsens bejn iż-żewġ partiti. Dan qalu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Claudio Grech waqt konferenza tal-aħbarijiet, li fiha spjega kif hu ħażin li kwistjoni sensittiva bħal din tispiċċa ballun politiku.

Claudio Grech sostna li f’dan il-każ kien hemm minn tħallas minn fondi pubbliċi biex jagħmel din l-istruttura u min tħallas biex jiċċertifika li kollox hu kif suppost. Qal li din il-kwistjoni għandha tingħalaq kemm jista’ jkun malajr u għalhekk l-Oppożizzjoni talbet biex il-kwistjoni tal-konkos fl-Isptar Mater Dei tiġi diskussa b’urġenza fil-Kumitat Permanenti għas-Saħħa. S’issa, din it-talba ġiet miċħuda mill-Gvern Laburista, qal Grech.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni qal li r-responsabbiltà politika għandha tinġarr minn kulħadd. Sostna li min issuplixxa l-konkos, il-kuntrattur tax-xogħol, il-perit li ddisinja l-pjanti u l-perit li ċċertifika l-istrutturi, u li tħallsu għax-xogħol tagħhom, għandhom jinżammu kontabbli ta’ għemilhom. Claudio Grech qal li l-aktar materja importanti fis-Saħħa hi s-servizz li qed jingħataw il-pazjenti. Għalhekk, id-dibattitu għandu jkun dwar kif se nnaqqsu n-nies mill-kurituri.

Claudio Grech qal li l-Partit Nazzjonalista jrid spjegazzjoni ċara dwar dak li ġara, filwaqt li stqarr li diskussjoni fil-Parlament mhux se tippreġudika l-investigazzjonijiet meħtieġa.