Lokali

Editorjal: Niċċelebraw kif mistħoqq ħafna kisbiet fl-edukazzjoni

Waqt li f’dal-ġranet niċċelebraw bix-xieraq il-kisba tas-sovranità għal Malta, bilfors nirriflettu fuq il-kisbiet li għamilna f’dawn il-50 sena biex kull wieħed u waħda minna nkunu sovrani. U f’dan, ewlenin kienu l-kisbiet li Malta għamlet fl-edukazzjoni.

L-Università: ir-rigal tal-Indipendenza
Meta Ġorġ Borg Olivier kiseb l-Indipendenza għal Malta, ir-rigal li ried jagħti lill-poplu Malti għażlu b’mod speċifiku li jkun l-Università l-ġdida f’Tal-Qroqq, li l-ewwel ġebla tagħha tqiegħdet proprju l-għada tal-Indipendenza.

Il-marka kbira ta’ gvernijiet Nazzjonalisti fl-edukazzjoni
Il-Gvern Nazzjonalista ta’ wara l-Indipendenza bena l-Università l-ġdida u għamel l-edukazzjoni fl-Università b’xejn għal kulħadd. Imbagħad, wara snin ta’ attakk minn gvernijiet Laburisti, Gvern Nazzjonalista daħħal l-istipendji, u kabbar l-Università fid-daqs u fin-numru ta’ studenti minn 700 għal 12,000.

Taħriġ fl-MCAST għal xogħol ġdid f’oqsma moderni
Il-Gvern Nazzjonalista ta’ wara l-Indipendenza kien ukoll waqqaf l-MCAST fl-Imsida, fejn illum hemm il-Junior College. U wara li l-MCAST il-Gvern Laburista kien għalqu, gvernijiet Nazzjonalisti reġgħu fetħuh fl-2000 u kabbruh b’ħafna istituti u bil-bini ta’ Campus ġdid. Illum, il-frott hu 10,000 student fl-MCAST bl-istipendju li jitħarrġu għal xogħol ġdid fl-oqsma ta’ xogħol li Malta ġibdet fl-aħħar snin.

L-iskola sekondarja esperjenza aqwa fi skejjel ġodda
L-investiment ta’ gvernijiet Nazzjonalisti fl-edukazzjoni hu f’kull livell. L-istipendji twessgħu għas-settur postsekondarju kollu. Inbnew għadd kbir ta’ skejjel ġodda sekondarji u saret riforma qawwija fil-kurrikulu biex daħlet ukoll is-sistema tal-kulleġġi li tat traġitt mill-primarja għas-sekondarja bla skossi u b’esperjenza aqwa.

Difiża qawwija u għajnuna lill-iskejjel tal-Knisja u indipendenti
Illum ingawdu skejjel tal-Knisja u indipendenti li ġew mgħejjuna minn gvernijiet Nazzjonalisti wara l-esperjenza kerha tas-snin tmenin u l-attakk kbir fuqhom mill-Gvern Laburista ta’ dak iż-żmien. Li għadhom jeżistu l-iskejjel tal-Knisja u li għandna skejjel indipendenti hi kisba qawwija fl-edukazzjoni.

Żvilupp fl-edukazzjoni bikrija biex javanza kulħadd
F’etajiet iżgħar, gvernijiet Nazzjonalisti għamlu żvilupp kbir fl-edukazzjoni bikrija biex kulħadd javanza u t-tfal jirnexxu lkoll. L-investiment fl-apparat, żvilupp kbir ta’ child care centres, il-kinder minn tliet snin u l-primarja minn ħames snin huma kollha marki oħrajn tajbin ta’ gvernijiet Nazzjonalisti fl-edukazjoni.

Sovranità vera bl-edukazzjoni lil kull wieħed u waħda minna
Marki tajbin għall-Maltin kollha. Għax l-edukazzjoni hi l-mezz kif wieħed ikun veru rajh f’idejh u jimxi ‘l quddiem b’ħiltu. Dan hu għaliex gvernijiet Nazzjonalisti ġabu mhux biss is-sovranità tal-pajjiż imma, aktar, is-sovranità ta’ kull Malti u Maltija.