Is-sala Fairyland, li tinsab fil-Wards il-Ħodor tal-Isptar Mater Dei, issoltu tkun mimlija bit-tfal, iżda dalgħodu nbidlet f’Sala li fiha jiddaħħlu n-nisa tqal li jkunu waslu biex iwelldu. Jirriżulta li dan seħħ wara li l-Gaenecology Ward imtliet u għalhekk ittieħdet id-deċiżjoni li nisa li qed jiddaħħlu l-Isptar jintbagħtu jwelldu f’Fairyland.
MaltaRightNow.com qed ixandar dan il-filmat ESKLUSSIV mibgħut minn ġenituri li t-tfal tagħhom spiċċaw iċċaqilqu minn Fairyland biex jagħmlu wisgħa. Il-filmat juri kif il-kmamar f’Fairyland, li qabel kienu jilqgħu madwar 20 tifel u tifla, issa qed jitbattlu u minflok qed jitpoġġew stretchers għal persuni adulti. L-istess filmat juri ċar kif din is-sala tbattlet mill-pazjenti u bħalissa m’hemm l-ebda tifel jew tifla rikoverati fiha għax dawn tmexxew lejn swali oħrajn.
Ġenituri oħrajn ta’ tfal li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com ikkonfermaw ukoll dan, fosthom minn missier ta’ tifel li kellu jiddaħħal f’Fairyland, iżda li ġie nfurmat li issa se jitmexxa lejn Sala oħra. Dalgħodu, f’Fairyland kien hemm biss mara li kienet waslet biex twelled u għaliha ġew assenjati infermieri biex jippreparawha. Il-filmat juri wkoll kif fl-istess kamra, mal-omm li kienet qed tistenna t-tarbija, kien hemm ukoll anzjana li kienet rikoverata.
Il-ġenituri li tkellmu magħna wrew ukoll id-diżappunt tagħhom li lanqas biss kienu jafu x’se jsir minn uliedhom.
//= $special ?>