Lokali

Ħaddiema tal-kumpanija Waldorf Auto Services Company Ltd (Hyundai) jissieħbu mal-UĦM

Il-maġġoranza assoluta tal-impjegati tal-kumpanija Waldorf Auto Services Company Ltd (Hyundai), fil-jiem li għaddew irriżenjaw minn union oħra u ssieħbu fil-Union Ħaddiema Maqgħudin (UĦM), fejn ġew organizzati fit-Taqsima Manifattura u Kummerċ.

It-Taqsima Manifattura u Kummerċ, permezz tal-President tal-UĦM Jesmond Bonello, iltaqgħet mal-ħaddiema u ddiskutew flimkien in-neċesitajiet tal-ħaddiema, fosthom il-fatt li l-ftehim kollettiv ilu ma jiġi ffirmat mill-2010. Fl-istess laqgħa, ġie elett ukoll Shop Steward ġdid li, f’isem dawn il-ħaddiema, se jaħdem flimkien mat-Taqsima bil-għan li jiġu mtejba l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.

Sadanittant, it-Taqsima Manifattura u Kummerċ tal-UĦM kitbet uffiċjalment lid-Direttur Maniġerjali tal-Waldorf Auto Services Company Ltd (Hyundai) biex jingħata rikonoxximent trejdunjonistiku ewlieni u biex il-UĦM tkun tista’ tibda bin-negozjati fuq numru ta’ materji, fosthom il-Ftehim Kollettiv.