Ambjent Lokali

Il-PN iħawwel 50 siġra fi Xrobb l-Għaġin

Fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza, il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, il-Membri Parlamentari Ewropej f’isem il-PN, il-Fergħat u l-Ufficjali tal-kumpaniji tal-Partit ħawlu 50 siġra fir-Riserva Naturali ta’ Xrobb l-Għaġin.

F’messaġġ, il-Kap tal-PN Simon Busuttil qal li permezz ta’ din l-attività, il-PN qed jagħti lura 50 siġra fi proġett ambjentali li hu ta’ importanza kbira għall-aspett naturali tal-pajjiż.

Simon Busuttil qal li l-PN hu kburi bil-passat tiegħu u jinsab determinat li jkompli jkun impenjat fit-tfassil tal-futur tal-pajjiż. Il-Kap tal-PN tkellem dwar il-bidliet li qed wettaq il-PN fil-proċess ta’ riġenerazzjoni li qed iwettaq.

Waqt it-tħawwil tas-siġar, tkellem ukoll il-President ta’ Nature Trust Vince Attard, li qal li fl-aħħar sentejn 20,000 persuna żaru r-Riserva ta’ Xrobb l-Għaġin. Kien hemm ukoll 10,000 tifel u tifla li marru fir-Riserva biex jistudjaw l-ambjent naturali. Hu stmat li f’din ir-Riserva tħawlu b’kollox 15,000 siġra.