Internazzjonali

Il-Prim Ministru tal-Ukrajna iħabbar ħidma kontra l-korruzzjoni

Il-Prim Ministru Ukren Arseniy Yatseniuk qal li l-Ukraina se tkun qed tivverifika madwar miljun impjegat taċ-ċivil sabiex tkun eliminata korruzzjoni li seħħet fil-passat.

Dan wara li nhar it-Tlieta li għadda l-Parlament Ukren għadda liġi li permezz tagħha impjegati taċ-ċivil jistgħu jitkeċċew minn xogħolhom. Dawk kollha li ħadmu taħt l-eks President Viktor Yanukovych kif ukoll il-membri kollha tal-ex-kap Komunist u tal-KGB se jkunu affettwati.

Fl-Ukraina kien hemm xhur ta’ tenzjoni hekk kif Yanukovych tkeċċa fi Frar li għadda.

Sadanittant, truppi tal-Gvern kienu qed jiġġieldu kontra separatisti favur ir-Russja fir-reġjuni ta’ Donetsk u Luhansk ħal xhur, sakemm ġie iffirmat qbil fil-5 ta’ Settembru.

L-Ukraina u l-Punent qed jakkużaw lir-Russja li bagħtet it-truppi tagħha u armi biex jgħinu lir-ribelli, akkuża li kienet miċħuda mill-Kremlin.

Ilbieraħ, Yatseniuk qal li “madwar miljun impjegat taċ-ċivil ta’ oqsma differenti se jaqgħu taħt din il-liġi, fosthom il-kabinett kollu tal-ministri, il-ministeru għall-affarijiet intern, is-servizzi tal-intelliġenza, u l-uffiċju tal-prosekutur.”

Korrispondenti qalu li din il-kwistjoni tal-verifikazzjoni u korruzzjoni hi suġġett delikat għal ħafna fl-Ukraina li jridu jnaddfu lill-Gvern mill-influenza ta’ Yanukovych.

Il-liġi kienet approvata wara pressjoni kbira minn numru ta’ attivisti, li ħadu sehem fi protesti kbar kontra Yanukovych. Il-liġi finalment għaddiet wara numru ta’ attentati li fallew meta l-ispeaker Okexandr Turchynov wissa lill-Membri Parlamentari li mhux se jħallihom jitilqu mill-Parlament qabel jirnexxielhom jilħqu riżultat ta’ suċċess.