Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Tonio Micallef Trigona, wissiet lill-Prosekuzzjoni fil-każ ta’ Jason Galea, ta’ 39 sena minn Birżebbuġa, u George Galea, ta’ 41 sena minn San Ġiljan, biex iressqu x-xhieda li baqalhom malajr kemm jista’ jkun. Jason u George Galea jinsabu akkużati bil-qtil doppju ta’ Mario Camilleri, ta’ 51 sena magħruf bħala “L-Imnieħru”, u ibnu Mario Jr (ritratt).
It-twissija tal-Qorti waslet wara li l-Ispettur Fabian Fleri informaha li ma kellux xhieda x’jipproduċi minħabba li l-Ispettur Chris Pullicino kien jinsab indispost. Il-Maġistrat Micallef Trigona qal li mhux sew li l-Prosekuzzjoni tikkonsisti minn erba’ Spetturi u għax Spettur jinsab indispost, allura ma jressaqx xhieda.
Il-Maġistrat qal li fil-kawża preċedenti, il-Prosekuzzjoni kienet infurmatu li kien għad baqa’ 20 xhud u li fil-maġġoranza tagħhom dawn kien se jittellgħu jixhdu. Qal li mhux sew li dawn l-affarijiet jiġru biex sezzjoni tal-media tispiċċa twaħħal fil-Qorti li l-affarijiet idumu. Sostna li dan mhux sew.
L-Avukat Gianella de Marco, li qed tidher għal George Galea, qablet mal-Qorti li l-Prosekuzzjoni qed tieħu l-affarijiet fit-tul. Wara, hi talbet lill-Qorti biex tikkunsidra tnaqqas id-depożitu ta’ €30,000 fil-konfront tal-klijent tagħha. Qalet li George Galea ilu ma jaħdem mill-1987 u ilu arrestat sena u xahrejn. Għalhekk ma jiflaħx iħallas id-depożitu. Qalet li għandu jkun hemm bilanċ bejn il-mezzi tiegħu għax mhux sew li bniedem jingħata l-libertà proviżorja u jibqa’ ġewwa. Il-Qorti qalet li kienet se tikkunsidra it-talba tad-Difiża fi stadju ieħor.
Sadanittant, l-Avukat Raphael Fenech Adami, f’isem il-familja Camilleri, ġibed l-attenzjoni tal-Qorti biex ħames oġġetti li għadhom ma ġewx esebiti u li huma propjetà ta’ żewġha u binha, jiġu esebiti u wara rilaxxati.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Chris Pullicino, Louise Calleja, Michael Mallia u Fabian Fleri. Għal Jason Galea qed jidher l-avukat Joseph Giglio, filwaqt li għal George Galea qed tidher l-Avukat Giannella de Marco. L-Avukati Joe Brincat u Raphael Fenech Adami qed jidhru għan-nom tal-familja Camilleri.
Il-kumpilazzjoni tkompli fid-29 ta’ Ottubru li ġej.
//= $special ?>

