Lokali Unjoni Ewropea

Is-smiegħ ta’ Karmenu Vella fil-Parlament Ewropew mistenni għad-29 ta’ Settembru

Il-proċess tas-smiegħ mill-Membri Parlamentari Ewropej għall-Kummisarju Ewropew nominat mill-Gvern Malti Karmenu Vella mistenni jsir it-Tnejn, 29 ta’ Settembru fis-2.30pm. Dan ħareġ minn timetable mhux uffiċjali mħejjija mill-Parlament Ewropew dwar il-proċess biex tkun ifformolata l-Kummissjoni Ewropea mmexxija minn Jean Claude Juncker.

Skont din it-timetable mhux uffiċjali, is-smiegħ ta’ Karmenu Vella se jkun l-ewwel wieħed mill-proċessi tal-Kummissarji nominati mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Fl-istess sessjoni, se jkun hemm ukoll is-smiegħ tal-Iżvediża Cecilia Malmstrom. Il-proċess kollu mistenni jintemm it-Tlieta, 7 ta’ Ottubru.

L-Erbgħa li għadda, Karmenu Vella ġie propost għall-kariga ta’ Kummissarju Ewropew responsabbli mill-Ambjent, is-Sajd u l-Affarijiet fi ħdan il-Kummissjoni-Juncker. Vella se jkun l-ewwel Malti li qatt kellu fir-responsabbiltà tiegħu l-portafoll tal-Ambjent, filwaqt li se jkun it-tieni bir-responsabbiltà tas-Sajd u l-Affarijiet Marittimi, wara Joe Borg.

Fil-jiem li għaddew, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ħabbar li l-MEPs tal-PN se jkunu qed jivvotaw favur in-nomina ta’ Karmenu Vella. Dan minkejja li dwar din il-materja l-Gvern ma għamel l-ebda konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni.