Il-holders tal-UEFA Champions League Real Madrid kisbu rebħa faċli ta’ 5-1 kontra Basel fl-ewwel ġurnata tal-fażi gruppi taċ-Champions League filwaqt li Liverpool u Juventus kellhom jitħabtu biex rebħu kontra Ludogorets u Malmo rispettivament. Riżultat li ma kienx mistenni kienet it-telfa ta’ Atletico Madrid kontra Olympiakos.
Grupp A
Atletico Madrid, finalisti telliefa tal-istaġun li għadda bdew fuq nota negattiva meta tilfu 3-2 barra minn darhom kontra Olympiakos Piraeus. Atletico, li fi tmiem il-ġimgħa għelbu lil Real Madrid fil-kampjonat sofrew l-ewwel gowl wara biss 13-il minuta meta kien MASUAKU li għeleb lill-gowlkiper avversarju wara li irċieva mingħand Affelay. L-istess AFFELAY għamel l-iskor 2-0 man-nofs siegħa logħob u minkejja li qabel intemmet l-ewwel taqsima MANDZUKIC naqqas id-distakk. Hekk kif Atletico bdew jittmaw f’rimonta, kwarta mit-tmiem MITROGLU qatel kull tama bit-tielet gowl.
GRIEZMANN reġa’ naqqas id-distakk għal Atletico imma kien tard wisq għal rimonta.
Fil-logħba l-oħra ċ-champions Taljani Juventus sabuha diffiċli biex rebħu 2-0 kontra Malmo tal-Iżvezja. Il-Bianconeri, li kellhom lil Andrea Pirlo, Arturo Vidal u lil Andrea Barzagli kellhom jistennew sas-60 minuta biex skurjaw l-uniku gowl tal-logħba wara li fl-ewwel taqsima ma kienu ħolqu l-ebda periklu. L-eroj tas-serata kien Carlos TEVEZ li skurja doppjetta. Mas-siegħa logħob Tevez skurja l-ewwel gowls u fid-90 minuta irdoppja l-iskor. Tevez kien ilu sa mill-2009 ma jiskurja f’kompetizzjoni Ewropea.
Grupp B
Il-holders Real Madrid bdew id-difiża tat-titlu b’rebħa komda ta’ 5-1 kontra Basel fil-Bernabeu. B’din ir-rebħa Real irkupraw mit-telfa li sofrew fi tmiem il-ġimgħa kontra r-rivali Atletico. Wara kwarta logħob Real marru fil-vantaġġ meta Suchy tefa’ l-ballun fix-xibka tiegħu stess. Man-nofs siegħa BALE għamilhom tnejn favur l-Ispanjoli u minuta wara l-istess Bale għadda ballun lejn RONALDO li ma żbaljax. Fit-37 minuta l-akkwist il-ġdid RODRIGUEZ kompla żied mal-iskor u BENZEMA issiġilla l-logħba. Il-gowl ta’ konsolazzjoni għal Basel skurjah GONZALEZ fit-38 minuta.
Liverpool iddiżappuntaw f’Anfield imma rebħu 2-1 kontra Ludogorets tal-Bulgarija. Liverpool, li fi tmiem il-ġimgħa tilfu kontra Aston Villa fil-kampjonat rebħu b’mod drammatiku bl-aħħar xutt tal-logħba.
Minkejja l-isforzi ta’ Liverpool fl-ewwel taqsima dawn ma setgħu isibu x-xibka b’xejn. Ludogorets kienu anke sfortunati li fil-71 minuta laqtu l-lasta. L-attakkant BALOTELLI approfitta minn indeċiżjoni fid-difiża avversarja u skurja b’xutt mill-viċin meta kien fadal sitt minuti għat-tmiem. Lodogorets ġabu d-draw meta ABALO approfitta minn żball ta’ Lovren, qabeż lill-gowlkiper u għamel l-iskor 1-1. Fl-aħħar sekondi Liverpool ingħataw penalty li minnu GERRARD ma ‘baljax biex ta r-rebħa lir-Reds.
Grupp Ċ
Zenit kisbu rebħa ta’ 2-0 barra minn darhom kontra Benfica. Wara sitt minuti r-Russi marru minn fuq b’gowl ta’ HULK u ftit wara kompla kollox ġej ħażin għal Benfica meta tkeċċa l-gowlkiper Artur. Zenit kienu pronti u approfittaw minn dan meta fit-22 minuta WISTEL skurja gowl ieħor.
Monaco kisbu rebħa minima ta’ 1-0 kontra Bayer Leverkusen. L-uniku gowl tal-logħba kien skurjat wara siegħa minn MOUTINHO.
Grupp D
B’wirja mill-aqwa Borussia Dortmund ġabu fix-xejn lil Arsenal u rebħulhom 2-0. Hekk kif kienet se tintemm l-ewwel taqsima l-akkwist il-ġdid Ciro IMMOBILE skurja għat-tim ta’ Jurgen Klopp. Bir-reazzjoni tal-Gunners ma tasalx Dortmund għamluhom tnejn hekk kif bdiet it-tieni taqsima. L-awtur tal-gowl kien AUBAMEYANG li irċieva mingħand Grobkreutz.
Galatasaray salvaw punt f’darhom meta ġew draw 1-1 kontra Anderlecht. Kien PRAET li skurja għal-gowl fit-52 minuta imma fl-aħħar minuta YILMAZ salva punt għat-Torok.
//= $special ?>
