Kaċċatur ta’ 26 sena minn San Ġiljan kien ikkundannat tliet xhur ħabs sospiżi għal tliet snin, kif ukoll immultat €5,000 wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke li lbieraħ spara u qatel ċikonja bajda, li hi għasfur protett. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-7.30pm, meta mill-anqas 10 ċikonji kienu qed jistrieħu fuq is-saqaf ta’ San Vinċenz de Paule x’ħin akarx li ġew sparati xi tiri u nqatlet iċ-ċikonja.
Ġiljan Tanti, li xogħolu hu li jpoġġi l-madum, ammetta li qatel it-tajra meta kien f’għalqa fil-Marsa qrib il-fabbrika Edible Oil Refinery. Ammetta wkoll li kien qed iġorr arma kkargata fi nħawi fejn il-kaċċa mhix permessibbli u li fejn spara jinsab f’żona ta’ 200m minn post fl-abitat. Ammetta wkoll li uża’ apparat illegali biex isejjaħ lill-għasafar li mbagħad ikunu jistgħu jinqabdu.
Il-Qorti qieset l-ammissjoni bikrija ta’ Grima, li kkopera mal-Pulizija u li skuża ruħu għall-azzjonijiet tiegħu. Kien meqjus ukoll il-fatt li l-kaċċatur kellu kondotta nadifa. Minbarra l-multa u s-sentenza sospiza, il-Qorti ordnat il-konfiska tas-senter u ordnat lill-kaċċatur biex ma jesegwix id-delizzju tal-kaċċa għal għomru, kif ukoll li ma jistax iġorr arma għal ħames snin u li jrid iħallas il-multa fi zmien sena.
Il-Pulizija mistennija tappella mis-sentenza.
L-Avukat Gianella de Marco dehret għall-kaċċatur, filwaqt li l-Ispetturi Jurgen Vella u Mario Tonna mexxew il-Prosekuzzjoni.
(Ritratt meħud minn Steve Zammit Lupi: Iċ-ċikonji li wieħed minnhom inqatel ilbieraħ filgħaxija)
//= $special ?>