Qorti

‘Manager’ Taljan ta’ stabbiliment akkużat li offenda lill-Pulizja jitqiegħed taħt att ta’ akkuża

Manager Taljan ta’ ħanut tax-xorb, li jinsab mixli li hedded bi qtil lil diversi Uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija, tpoġġa taħt att ta’ akkuża wara li quddiem il-Maġistrat Tonio Micallef Trigona beda l-każ fil-konfront tiegħu. Vincenzo Brancaccio, ta’ 48 sena residenti San Ġiljan, li qed iwieġeb mhux ħati ta’ dan it-theddid, qed jiġi mixli wkoll li ħebb għal żewġ Uffiċjali tal-Pulizija fil-bar. Ġie mixli wkoll li kiser il-paċi pubblika, li m’obdiex l-ordnijiet leġittmi tal-Pulizija u li kien fis-sakra fil-pubbliku u għalhekk ma setax jieħu ħsieb tiegħu nnifsu.

Is-Surġent Ramon Mifsud, l-uniku xhud fl-ewwel kumpilazzjoni, qal li t-Taljan heddu diversi drabi u anke heddu li jaħarqu, fost il-kliem ħażin li beda jindirizza lejh. Ix-xhud qal li fis-7 ta’ Settembru li għadda, għall-ħabta tal-5.30am, il-Pulizija marru fil-ħanut fejn jaħdem it-Taljan u talbuh biex ibaxxi l-mużika. Qal li kien mar ma’ għadd ta’ Pulizija oħrajn fil-ħanut O’Serracino, fejn il-mużika bdiet tinstema’ minn barra.

Ix-xhud qal li kif daħal, sab żewġ persuni qed ikantaw il-karaoke u hu qabad u ħadilhom il-mikrofonu, filwaqt li staqsa għal min jieħu ħsieb il-post. Sostna li t-Taljan, li kien qed jagħrfu fl-Awla bħala l-akkużat, qallu li “aħna nagħmlu minn kollox biex naqilgħu lira u intom [il-Pulizija] taraw kif tagħmlulna l-ħsara”. Ix-xhud qal li għal tliet darbiet it-Taljan qallu wkoll li kien se jaħarqu. Tenna li tant l-akkużat kien arroganti, li tliet klijenti li kienu fil-ħanut ma felħuhx u ġibduh ‘il barra mill-ħanut. Qal li wara ġiet is-sieħba tiegħu, li qalet li l-istabbiliment kien tagħha u li magħha beda jirraġuna.

Lis-sieħba tal-akkużat, is-Surġent Mifsud qalilha li lanqas Paceville ma jdumu daqshekk bil-mużika għolja. F’ħin minnhom, qal li l-akkużat reġa’ daħal fil-ħanut u reġa’ beda joffendih bit-Taljan u bl-Isqalli, kif ukoll kellmu ħażin bil-Malti. Ix-xhud qal li malli qallu biex jieqaf minn din l-attiduni tiegħu, l-akkużat imbuttah tant li spiċċa wkoll bil-qmis imqatta. Qal ukoll li kissirlu l-mobile u għamillu b’madwar €60 fi ħsara. Kompla jgħid li anke ħadu battikata biex jimmanettawh, tant li spiċċaw għamlulu żewġ settijiet ta’ manetti għax kien agressiv.

Is-Surġent Mifsud kompla jgħid li l-Pulizia ħaduh fejn il-karozza biex jieħduh l-Għassa ta’ San Ġiljan, bit-Taljan baqa’ joffendieh bil-Malti. Qal lill-Qorti li bħala prova, għandu wkoll video ta’ dak kollu li ġara. Qal li t-Taljan sa baqa’ jheddu saċ-ċella tal-Għassa u fiċ-ċella, meta hu kien jgħaddi mill-bitħa, l-akkużat kien ikompli joffendih, tant li beda jipprova jevitah.

Għal Vincenzo Brancaccio deher l-Avukat Joe Gilgio, filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jason Sultana.