Lokali

‘Missila’ ħierġa mill-orizzont?

Matul il-jum, MaltaRightNow.com irċieva dan ir-ritratt mingħand viżitatur għax kellu kurżità dan ir-raġġ li jidher fis-sema x’seta’ jkun. Fil-fatt, dik li tidher li tista’ tkun missila, tidher ħierġa mill-orizzont meta wieħed iħares mill-inħawi ta’ Wied iż-Żurrieq. Kollox jindika li seħħ barra l-ibħra territorjali Maltin.

Analiżi bir-reqqa ta’ ritratti turi dik li qisha missila fit-tarf tad-duħħan. Il-possibbiltà li kien ajruplan huma dgħajfa minħabba l-angolu dritt tal-oġġett mill-baħar lejn is-sema, kif ukoll minħabba t-tidwir li kien hemm fid-duħħan, li mhux tipiku ta’ ajruplan.

Sorsi li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com qalu li din ma kinitx l-ewwel darba li ntlemħet attività simili fl-ibħra bejn Malta u l-Libja.