Lokali

Raġel Niġerjan arrestat suspettat bi traffikar tad-droga

Wara investigazzjoni, l-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, irnexxiela tarresta raġel Niġerjan ta’ 35 sena, residenti n-Naxxar li kien qed jittraffika d-droga f`Malta.

L-arrest tal-persuna seħħ għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ wara nofsinhar ġewwa Triq Leli Falzon, in-Naxxar, fejn in-Niġerjan instab fil-pussess ta’ basket li kien fih madwar 700g ta’ sustanza suspettata eroina .

Wara tfittxija li saret ġewwa r-residenza tiegħu, il-Pulizija sabet ammont ieħor ta’ sustanza ta’ kulur kannella suspettata droga eroina. B’kollox il-Pulizija kkonfiskat 1.3kg ta’ droga eroina.

Il-Maġistrat tal-għassa Doreen Clarke ġiet infurmata bis-sejba u ħatret diversi esperti sabiex jassistu fl-investigazzjonijiet.

L-istħarrig tal-Pulizija għadu għaddej u din il-persuna mistennija li titressaq il-Qorti.