Lokali

Reat orribbli fuq skala massiċċa

Reat orribbli fuq skala massiċċa li għalih teħtieġ rispons internazzjonali. Sostna dan Leonard Doyle, kelliem għall-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, f’kummenti ma’ dan is-sit.

L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, ibbażata f’Ġeneva, intervistat 9 immigranti li salvaw mill-inċident ta’ ftit jiem li fih hu stmat li mietu iktar minn 500 ruħ – 100 minnhom tfal – madwar 300 mil fix-Xlokk ta’ Malta.

Leonard Doyle qal li dawn mhux kriminali komuni iżda organiżżazzjoni kbira li b’dan il-vjaġġ biss daħħlet man-nofs miljun dollaru Amerikan.

Leonard Doyle spjega li l-immigranti, li kienu jinkludu Palestinjani u Sirjani, qatgħu passġġ għall-Italja minn uffiċċju f’Gaza. Huma kellhom iħallsu 2000 dollaru Amerikan bil-quddiem għall-vjaġġ.

L-immigranti li salvaw qalu li ngħataw struzzjonijiet biex imorru f’post partikolari fl-Eġittu biex minn hemm ikomplu l-vjaġġ tagħhom mill-baħar. Il-bastiment li telgħu fih telaq minn Damietta, l-Eġittu u l-immigranti sostnew li t-traffikanti kienu Palestinjani u Eġizzjani.

Leonard Doyle ikompli li l-immigranti kienu sfurzati ibiddlu d-dgħajsa tliet darbiet u meta oġġezzjonaw għall-aħħar bidla għaliex l-opra tal-baħar ma kienitx b’saħħitha, ir-reazzjoni tat-traffikanti kienet waħda ta’ tkexkix

300 persuna li kienu fl-istiva tal-bastiment mietu mgħarrqa immedjament. It-traffikanti baqgħu fiż-żona sakemm kienu ċerti li l-bastiment għereq u ħarbu miż-żona.

Il-kumplament baqgħu jirreżistu f’nofs ta’ baħar bejn sema’ w ilma għal madwar tliet ijiem, iżda mat-tielet jum it-temp qaleb għall-agħar u mal-200 immigrant għerqu.

Eventwalment, f’ħidma ta’ salvataġġ ko-ordinata mill-Forzi Armati ta’ Malta, vapur tal-merkanzija salva 9 immigranti mill-baħar fosthom tifla ta’ sentejn. Huma ttieħdu għal iktar kura lejn Kreta u Sqallija.

Leonard Doyle tenna li dan kien l-agħar nawfragu ta’ immigranti għal hafna snin. Agħar minn hekk, dawn il-mijiet inqatlu direttament minn kriminali bla skrupli li jistagħnew minn fuq id-dahar il-vittmi tal-gwerer u d-disperazzjoni ta’ nies innoċenti.