Rumen ta’ 28 sena ġie kkundannat sena ħabs sospiżi għal sentejn wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Tonio Micallef Trigona li fis-7 ta’ Settembru li għadda seraq fuel u aċċessorji oħrajn, fosthom batterija ta’ trakk li kien ipparkjat f’Santa Venera. Minbarra s-sentenza sospiża, ir-Rumen kellu l-liċenzja tas-sewqan skwalifikata għal sena.
Nicusor Bigu ammetta li għall-ħabta tal-11.30pm, flimkien ma’ persuni oħrajn, ikkommetta s-serqa għad-dannu ta’ Wayne Cassar, li ra lir-Rumen iwettaq ir-reat u mar warajh biex jipprova jaqbdu iżda ma rnexxielux.
Madankollu, il-vittma rnexxielu jieħu n-numru tal-karozza li biha ħarab Bigu u ftit tal-jiem wara, dan ġie arrestat mill-Pulizija. Ir-Rumen, li f’Malta ma kellux indirizz fiss u li issa sejjer lura pajjiżu, ammetta wkoll li għamel ħsara fuq il-karozza ta’ Wayne Cassar u fuq il-karozza ta’ ċerta Mandy Cassar, kif ukoll li waqt li l-vittma beda jsegwi lir-Rumen, dan saq b’mod traskurat u negliġenti.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur James Grech, filwaqt li għar-Rumen deher l-Avukat Roberto Montalto.
//= $special ?>

