Aġġornament 2: 12.35pm Kensington Palace dalgħodu kkonferma li l-Prinċep William se jkun qed iżur pajjiżna fi tmiem il-ġimgħa biex jipparteċipa fl-attivitajiet uffiċjali li jfakkru l-50 anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza. L-aħbar ġiet konfermata wkoll fi stqarrija tal-Gvern Malti, li ġiet ippubblikata wara li l-aħbar kienet diġà rrappurtata fil-media internazzjonali u lokali.
Il-Prinċep William se jiġi Malta minflok martu, id-Dukessa ta’ Cambridge Kate Middleton, li aktar kmieni dan ix-xahar tħabbar li x’aktarx ma tiġix Malta minħabba t-tqala bit-tieni tarbija tagħhom. Iż-żjara tad-Dukessa f’Malta kellha tkun l-ewwel żjara uffiċjali tagħha waħedha f’pajjiż barra r-Renju Unit. Fl-aħħar jiem, kien qed jiġi rrappurtat li x’aktarx ikun il-Prinċep Harry li jżur pajjiżna, bl-istennija ddur fuqu minħabba li ħassar l-appuntamenti tiegħu għal tmiem din il-ġimgħa.
Madankollu, l-istqarrija ta’ Kensington Palace spjegat li l-Prinċep u d-Dukessa ħadu d-deċiżjoni li Kate Middleton ma tiġix Malta fuq parir tat-Tobba tagħha. Il-media internazzjonali rrappurtat li d-deċiżjoni ttieħed ilbieraħ filgħaxija mill-koppja stess.
Kemm l-istqarrija ta’ Kensington Palace kif ukoll dik tal-Gvern Malti kkonfermaw li l-programm se jibqa’ kif ippjanat għaż-żjara tad-Dukessa.
Aktar kmieni …
Issa tħabbar uffiċjalment li d-Dukessa ta’ Cambridge Kate Middleton mhux se żżur Malta għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-50 anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza.
Dan kien konfermat dalgħodu minn Kensington Palace.
Aġġornament: 11.10am Minflok Kate, mistenni jżur pajjiżna żewġha, il-Prinċep William.
//= $special ?>