Qorti

Direttur Żvediż ta’ kumpanija tal-betting mixli b’miżappropjazzjoni ta’ €800,000

Direttur Żvediż ta’ kumpanija tal-betting ġie mixli quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke li żamm għalih b’madwar €800,000 f’logħob li kien isir fuq l-internet f’isem il-kumpanija Everleaf Gaming Limited.

Michael Zwi Oros, minn Stokkolma u li hu wkoll Direttur tal-kumpanija Gold Man Gaming Limited, wieġeb mhux ħati li f’Lulju 2013 u fix-xhur u s-snin ta’ qabel wettaq miżappropjazzjoni fuq mijiet ta’ persuni li kienu jilgħabu l-poker. Il-kumpanija Everleaf tiffoka fuq dan it-tip ta’ logħob.

Zwi Oros, li f’Malta m’għandux indirizz fiss, ġie mixli wkoll li naqas milli jħallas numru ta’ liċenzji tal-Awtorità tal-Logħob u Lotteriji (LGA), kif ukoll li ma ħallasx it-taxxa fuq il-logħob u l-qliegħ mil-logħob. Il-kumpaniji li tagħhom huwa Direttur Zwi Oros huma rreġistrati f’Malta.

L-Iżvediż, li ġie mixli bi 12-il akkuża relatati ma’ miżappropjazzjoni, ġie mixli wkoll li naqas milli jinnotifika lil-LGA dwar kontrolli fuq il-logħob u s-sistemi li jintużaw, kif ukoll li naqas milli jagħti każ l-ilmenti tal-lagħaba.

Akkużi oħrajn kienu li naqas milli jimxi mal-proċedura u li jiddepożita fil-kont ta’ dawk rebbieħa l-flus dovuti. Michael Zwi Oros ingħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €10,000 u €10,000 oħra bħala garanzija personali. Hu tressaq mill-Ispettur Daniel Zammit.