Editorjal

Editorjal: Ċelebrazzjoni ta’ kisbiet importanti fix-xogħol

L-indipendenza ta’ Malta ħamsin sena ilu seħħet meta Malta la kellha industrija u lanqas turiżmu u kienet tiddependi fuq is-servizzi Ingliżi għax-xogħol. L-isfida kbira li kellu l-Gvern Nazzjonalista mal-Indipendenza kienet kif se jagħmel tajjeb għall-impjiegi li kienu qed jintilfu minn mas-servizzi Ingliżi u joħloq ix-xogħol għall-ammont kbir ta’ żgħażagħ li twieldu fil-baby boom ta’ wara l-gwerra u li kienu qed jilħqu l-età tax-xogħol propju f’dawk is-snin.

Mitt lukanda fi ftit snin
Il-Gvern Nazzjonalista ta’ wara l-Indipendenza beda mix-xejn l-industrija tat-turiżmu bi programm ta’ għajnuna għall-bini ta’ lukandi li fi ftit snin ra l-bini ta’ aktar minn mitt lukanda. Beda wkoll oqsma industrijali biex joħolqu xogħol ġdid fil-manifattura.

Xogħol produttiv
Dik fil-fatt dejjem kienet il-mira ta’ gvernijiet Nazzjonalisti: xogħol produttiv li kapaċi jikkompeti fid-dinja. U f’dan, il-gvernijiet Nazzjonalisti ta’ wara l-1987 kisbu għal Malta xogħol bil-qawwi.

Ekonomija libera

Gvernijiet Nazzjonalisti sawru e konomija libera, miftuħa u diversifikata. Taw inċentivi lill-privat u ħolqu l-atmosfera t-tajba u l-inċentivi għall-investiment. X’għamlu gvernijiet Nazzjonalisti kien li ħasbu liema huma dawk is-setturi ġodda li setgħu jiġbdu lejn Malta u li setgħu joħolqu xogħol ta’ valur ibbażat fuq il-ħiliet tal-ħaddiema Maltin li jitħarrġu għalihom.

Mhux kumbinazzjoni
Ma kinux ikunu jistgħu jiġu l-industriji l-ġodda tal-informatika, tal-avjazzjoni, tas-servizzi finanzjarji, tal-farmaċewtika, tas-servizzi marittimi, tal-gaming, u ma kinux jiġġeddu u jikbru setturi bħat-turiżmu f’niċeċ ġodda kieku gvernijiet Nazzjonalisti ma bnewx l-infrastruttura legali, fiżika u edukattiva għalihom fuq numru ta’ snin.

Kisbiet għall-ħaddiema Maltin
Kien għalhekk li Malta għamlet kisbiet importanti fix-xogħol: impjiegi mal-privat li kważi rduppjaw fl-aħħar 25 sena, żieda kbira fin-nisa jaħdmu biex in-nisa taħt l-40 f’Malta jaħdmu b’rata fost l-ogħla fl-Ewropa, l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-pagi l-aħjar fl-Ewropa, tnaqqis ta’ taxxi li għamel lill-ħaddiem Malti l-anqas intaxxat fl-Ewropa, ħolqien ta’ xogħol anke fir-riċessjonijiet internazzjonali tal-1991, tal-2001 u tal-2008, u minkejja dinja fl-agħar riċessjoni f’mitt sena, il-pagi tal-ħaddiema Maltin bejn l-2008 u l-2012 żdiedu b’medja ta’ aktar minn 500 ewro fis-sena.

Ċelebrazzjoni xierqa
Dawn huma l-kisbiet li għamlu gvernijiet Nazzjonalisti fil-qasam li jagħti sovranità lil kull ħaddiem u li hu l-akbar dritt tal-ħaddiem: ix-xogħol. Hu dan ukoll li niċċelebraw bix-xieraq dil-ġimgħa fost il-kisbiet importanti li għamlu gvernijiet Nazzjonalisti għall-Maltin kollha.