Internazzjonali

Il-poplu Skoċċiż illum qed jagħżel jibqax fir-Renju Unit jew jieħux l-Indipendenza

Il-poplu Skoċċiż illum qed jivvota dwar jekk il-pajjiż għandux jibqa’ fir-Renju Unit jew isirx nazzjon indipendenti. L-elettorat Skoċċiż qed iwieġeb IVA jew LE għall-mistoqsija tar-Referendum: “L-Iskozja għandha tkun pajjiż indipendenti?”.

B’popolazzjoni ta’ aktar minn 4.2 miljun, hu mistenni turnout storiku għoli ħafna wara li 97% tal-elettorat hu reġistrat biex jivvota. Il-voti se jkunu mitfugħa f’aktar minn 2,600 Post tal-Votazzjoni madwar il-pajjiż, li se jibqgħu miftuħa sal-10pm ħin lokali (11pm ħin f’Malta). Ir-riżultat mistenni jitħabbar kmieni għada filgħodu.

Il-voti se jkunu qed jingħaddu f’kull waħda mit-32 awtorità lokali Skoċċiża. Dawn se jinkludu voti diġà mitfugħa ta’ aktar minn 780,000 applikazzjoni ta’ vot postali, li hu l-akbar volum ta’ reġistrazzjoni għal voti postali li qatt seħħ fl-Iskozja.