Lokali Sport Sport Ieħor

Imut ‘il-vuċi’ tal-Korsa tal-Marsa

Il-Kunsill tal-Malta Racing Club (MRC), sidien, ġerrejja u l-kommunità tal-isportivi, speċjalment dawk dilettanti tat-tiġrijiet taż-żwiemel, jinsabu maħsuda bl-aħbar tat-telfa ta’ Twanny Bugeja, bniedem sinonimu għal snin twal fil-kummentarji tat-tiġrijiet.

Apparti li kien Segretarju Ġenerali tal-MRC, Twanny Bugeja kien il-vuċi sinonima mat-tiġrijiet taż-żwiemel f’pajjiżna minħabba li kien il-kummentatur ewlieni tal-Korsa għal dawn l-aħħar 37 sena. Bugeja kien ukoll preżentatur ta’ diversi programmi televiżivi, kif ukoll ġurnalist u korrispondent regolari dwar it-tiġrijiet taż-żwiemel.

Fi stqarrija, iċ-Chairman tal-MRC Matthew Brincat qal li filwaqt li tingħaqad mal-qraba ta’ Bugeja f’dan il-mument diffiċli għalihom, il-MRC tilfet ġentlom li preżentment kien jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni, fejn baqa’ jagħti l-kontribut tiegħu minkejja d-diffikultajiet tiegħu fl-aħħar xhur.

Matthew Brincat qal li “fuq bażi personali nħoss li kien ġentlom li kellu verament passjoni kbira lejn it-tiġrijiet taż-żwiemel u kellu għożża kbira tal-familja. Ċertament li ħafna dilettanti li ilhom jafuh personalment ħafna aktar minni, għandhom il-memorji sbieħ tal-għażiż Twanny. In-nuqqas tiegħu sejjer ċertament jinħass”.

It-Taqsima Sport ta’ Media.Link Communications ukoll twassal il-kondoljanzi lill-familja Bugeja f’dan il-mument ta’ niket.