“M’hemmx prezz għad-demokrazija. L-elezzjonijiet irridu naħdmu biex dejjem inżidu l-parteċipazzjoni fihom, jiswa kemm jiswa dan l-eżercizzju. Soċjetà bla elezzjoni hi soċjetà li jkollha l-ingredjent importanti tal-libertà nieqes”. Dan kien il-messaġġ ċar mill-President tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħazagħ (KNŻ) Isabelle Camilleri dwar il-ħarsien tal-elezzjonijiet u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-proċessi demokratiċi meta f’pajjiżna hawn diskussjoni fuq il-proposta tal-Prim Ministru Joseph Muscat li jiġu kkanċellati l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali ta’ Marzu 2015.
Waqt li kienet qed titkellem fil-ftuħ tat-12-il edizzjoni tal-Parlament taż-Żgħażagħ, Isabelle Camilleri ħeġġet liż-żgħażagħ biex ikunu attivi u ma jibżgħux jesprimu l-opinjoni tagħhom. Fakkret li l-edizzjoni ta’ din is-sena hi l-aħħar waħda li qed issir fil-Parlament preżenti fil-Palazz tal-President fil-Belt, hekk kif il-Parlament mistenni jiċċaqlaq għall-bini l-ġdid tiegħu. Hi fakkret li fil-Kamra tad-Deputati preżenti ssawret l-istorja ta’ pajjiżna. Saħqet li din is-sena qed niċċelebraw anniversarji importanti fl-istorja politika ta’ pajjiżna, fosthom il-50 sena mill-Indipendenza, l-20 sena mit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali u l-10 snin mid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Il-Parlament taż-Żgħażagħ sar attività annwali organizzata mill-KNŻ. Fl-ewwel seduta, iż-żgħażagħ ressqu mozzjonijiet dwar l-edukazzjoni f’Malta, b’mod partikolari dwar l-ezamijiet u l-istreaming, dwar it-tibdil fil-klima u dwar mezzi biex inkabbru s-settur turistiku. Fit-tieni seduta, li fiha ħadu sehem żgħażagħ akbar fl-età, tressqu mozzjonijiet dwar it-trasport u l-infrastruttura, kif ukoll dwar id-dekrimininalizazzjoni tad-droga. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil attenda għal waħda mis-seduti u ltaqa’ maż-żgħażagħ preżenti.
Il-ftuħ u l-għeluq ta’ kull seduta saru mid-Deputat Speaker Ċensu Galea u s-seduti kienu jinkludu wkoll messaġġ mis-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius, kif ukoll mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ u l-Isport Robert Cutajar.
//= $special ?>