Lokali Unjoni Ewropea

Is-seduta tas-smigħ ta’ Karmenu Vella kkonfermata għad-29 ta’ Settembru

Il-proċess ta’ smigħ fil-Parlament Ewropew, magħruf bħala grilling, ta’ Karmenu Vella bħala Kummissarju Ewropew ġdid nominat mill-Gvern Malti se jsir quddiem il-Membri Parlamentari Ewropej it-Tnejn, 29 ta’ Settembru bejn is-2.30pm u l-5.30pm.

Dan hekk kif illum kienet approvata t-timetable uffiċjali mħejjija mill-Parlament Ewropew b’elenku tad-dati u l-ħinijiet tal-interrogazzjoni tal-Kummissarji nominati l-ġodda kollha. Id-deċiżjoni bl-approvazzjoni tat-timetable ttieħdet wara laqgħa tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Gruppi Politiċi fil-Parlament Ewropew.

Il-Kummissarji kollha jridu jgħaddu wieħed wieħed minn dan il-proċess ta’ tliet sigħat umbagħad jiġu approvati b’vot fil-Plenarja qabel ma tkun tista’ tibda taħdem il-Kummissjoni Ewropea l-ġdida mmexxija minn Jean Claude Juncker.

Il-pjan hu li l-vot għall-Kulleġġ sħiħ tal-Kummissarji jittieħed fit-22 ta’ Ottubru biex il-Kummissjoni-Juncker tkun tista’ tibda taħdem mill-1 ta’ Novembru. Skont din l-iskeda, is-smigħ ta’ Karmenu Vella se jkun l-ewwel wieħed fil-lista u fl-istess sessjoni se jsir ukoll dak tal-Iżvediża Cecilia Malmstrom.

Il-proċess kollu, li matulu jkunu ġew interrogati s-27 Kummissarju nominati mill-Istati Membri kollha, mistenni jintemm it-Tlieta, 7 ta’ Ottubru u se jkun mifrux fuq sitt ijiem b’sessjonijiet filgħodu u filgħaxija fil-maġġoranza tal-ġranet.

Il-ġimgħa li għaddiet, Karmenu Vella ġie propost għall-kariga ta’ Kummissarju Ewropew responsabbli mill-Ambjent, is-Sajd u l-Affarijiet Marittimi fi ħdan il-Kummissjoni-Juncker. Vella se jkun l-ewwel Malti li qatt kellu fir-responsabbiltà tiegħu l-portafoll tal-Ambjent, filwaqt li se jkun it-tieni wieħed bir-responsabbiltà tas-Sajd u l-Affarijiet Marittimi, wara Joe Borg.

Kien deċiż ukoll li l-interrogazzjoni tiegħu ssir mill-membri ta’ żewġ Kumitati tal-Parlament Ewropew li jiffukaw fuq l-oqsma li se jkun responsabbli għalihom, jiġifieri l-Kumitat dwar l-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sigurtà Pubblika u l-Kumitat tas-Sajd. Inċidentalment, fl-ewwel Kumitat hemm membru wkoll il-mara ta’ ibnu, l-MEP Laburista Miriam Dalli.

Fil-jiem li għaddew, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ħabbar li l-MEPs tal-PN se jkunu qed jivvutaw favur in-nomina ta’ Karmenu Vella. Dan minkejja li dwar din il-materja l-Gvern m’għamel l-ebda konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni.