Ambjent Lokali

L-FKNK tikkundanna l-qtil taċ-ċikonja u l-isparar fuq tajr protett

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) ikkundannat dak li ġara fil-bidu ta’ din il-ġimgħa, meta ġuvni minn San Ġiljan spara fuq tajr protett. Fi stqarrija, iffirmata minn Lino Farrugia, l-FKNK qalet ukoll li l-Gvern jista’ jiddeċiedi li jagħlaq l-istaġun tal-kaċċa b’effett immedjat u mingħajr konsultazzjoni. Filwaqt li sostniet li l-ġuvni li spara fuq iċ-ċikonja bajda mhux membru tagħha, stqarret li assolutament ma taqbilx mal-piena li ngħatat lill-ġuvni.

L-FKNK saħqet li sparar illegali u fuq tajr protess m’għandu x’jaqsam xejn ma’ kaċċa sostenibbli u legali. Qalet li llum stess nidiet kampanja ta’ deterrent u ħeġġet lill-membri tagħha biex malli josservaw xi irregolarità għandhom jagħmlu rapport minnufih lill-FKNK fuq in-numru 99474503 biex jispiċċaw darba għal dejjem l-atti llegali minn ftit nies, li qed jagħmlu l-ħsara lill-kaċċaturi Maltin u Għawdxin.

Fl-istqarrija, l-FKNK faħħret l-aġir f’waqtu ta’ Uffiċjal Għoli tal-pulizija, li flimkien mat-tifel tiegħu li hu wkoll Pulizija u minkejja li ma kienux fuq xogħol, qabdu lill-ġuvni li qatel iċ-ċikonja u bis-saħħa ta’ hekk din il-persuna tressqet il-Qorti.