Internazzjonali

L-ISIS b’filmat ġdid ta’ priġunier Britanniku

Fuq l-internet qed jiċċirkola filmat ġdid li juri raġel Britanniku ieħor li allegatament qed jinżamm ostaġġ mill-militanti tal-grupp Stat Iżlamiku fl-artijiet tas-Sirja jew l-Iraq (ISIS). Fil-video, il-Britanniku, li jgħid li jismu John Cantlie u li hu wkoll qed jinżamm priġunier, jidher b’ilbies oranġjo bilqiegħda quddiem skrivanija. Ma jidhru l-ebda militanti tal-ISIS fil-filmat, bl-isem “Lend me your ears” indirizzat lill-poplu tal-Punent, u li jitmexxa fi stil ta’ chat show.

Aktar qabel, il-Mexxejja Musulmani fir-Renju Unit sejħu għall-ħelsien immedjat ta’ Alan Henning, li qed ikun mhedded bil-mewt fuq bażi kontinwa. F’ittra ppubblikata f’The Independent ta’ Londra, il-Mexxejja Musulmani fissru lill-ISIS bħala “fanatiċi li m’għandhomx x’jaqsmu mal-Iżlam”, filwaqt li ħeġġewhom juru ħniena fil-konfront tal-ostaġġ inkwistjoni.

Fil-ġimgħat li għaddew, l-ISIS diġà qatel tliet ostaġġi, Britanniku u żewġ Amerikani, u qed jhedded il-ħajja ta’ ostaġġ Britanniku ieħor bl-isem ta’ Alan Henning. Henning jidher fl-aħħar tal-filmat li jiem ilu wera l-qtil tal-ostaġġ Britanniku David Haines taħt idejn it-terroristi tal-grupp Stat Iżlamiku.