Ewropa Lokali

Metsola tinsisti li l-problema tal-immigrazzjoni hemm bżonn tkun indirizzata

Waqt laqgħa mal-Kummissarju Elett għall-Immigrazzjoni u l-Affarijiet Interni Dimitris Avramopoulos, l-Ewroparlamentari Maltija Roberta Metsola kompliet tħeġġeġ għall-appoġġ lejn Malta f’dak li għandu x’jaqsam mas-sitwazzjoni tal-immigranti li jaslu f’pajjiżna. Hi tkellmet dwar il-bżonn li, wara reviżjoni tar-Regolazzjoni ta’ Dublin, il-piż tal-immigrazzjoni titqassam aħjar fost l-istati membri.
Min-naħa tiegħu, Avramopoulos wiegħed li se jkun qed jikkopera ma’ Malta biex jindirizza din il-problema, bis-sehem tal-Kumitat Ewroparlamentari għad-Drittijet u l-Libertajiet Ċivili u dak tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, li Metsola se tkun membru tagħhom fix-xhur li ġejjin.
Hu qal li jifhem bis-sħiħ is-sitwazzjoni ta’ Malta u ta’ stati membri oħrajn li qegħdin fil-fruntiera tal-Ewropa.
Matul il-laqgħa, ġiet diskussa wkoll l-isfida li qed tkun preżentata mill-Istat Iżlamiku u l-mod kif l-Unjoni Ewropea qed tħares lejn din it-theddida.